Filmat: Dalwaqt jibda l-Festival tal-Arti f’Malta

Bdew l-aħħar preparamenti biex tmien t'ijiem oħra jingħata l-bidu lill-Festival tal-Arti f’Malta. Din se tkun id-disa' edizzjoni ta' dan il-festival. Din is-sena il-festival qed jiffoka fuq iż-żfin u fuq films li se jintwerew fil-beraħ.
Fit-18-il wirja differenti se jkunu qegħdin jieħdu sehem diversi artisti Maltin bil-parteċipazzjoni ta’ artisti mill-Ingilterra, l-Kroazja, l-Afrika ta’ Isfel, ir-Russja, Spanja, ir-Repubblika Ċeka u l-Olanda.  
Fost il-wirjiet, Luke Baldacchino se jkun qed idoqq il-perkussjoni fis-16 ta’ Lulju filwaqt li l-vjolinista Nadine Galea flimkien mal-pjanist Riyad Nicolas se jdoqqu fil-25 ta’ Lulju. Apparti minn hekk se jkun hemm ukoll qari ta’ poeżiji bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti tal-Ktieb.
Il-Festival se jibda fl-14 ta’ Lulju u se jagħlaq b’kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fit-2 ta’ Awwissu. L-avvenimenti se jkunu mifruxa madwar Malta fosthom fid-Dar Meditterran, fil-Pjazza Teatru Rjal u fil-Forti Sant’Iermu.  

Għal iktar informazzjoni dwar xiri ta’ biljetti, wieħed jista’ jżur is-sit www.ticketline.com.mt