Filmat: Delia sellem lill-Prim Ministri Nazzjonalisti – il-PN

Newsbook.com.mt staqsa lid-Direttur Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għaliex Dr Adrian Delia, Kap tal-PN, meta l-bieraħ kien qed jitkellem f’attività tal-PN marbuta mal-festi tal-Indipendenza sellem lill Dr. Gorg Borg Olivier, lil Dr. Eddie Fenech Adami u lil Dr Lawrence Gonzi iżda ma sellimx lil Dr Simon Busuttil.

Ir-risposta tal-PN kienet illi “Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sellem il-kisbiet għal pajjiżna ta’ Gvernijiet immexxija minn kapijiet tal-PN li kienu Prim Ministri ta’ Malta mill-Indipendenza lil hawn. Kull interpretazjoni oħra tkun żbaljata.”

Newsbook.com.mt qiegħed iġib il-kliem eżatt li qal Dr Delia waqt l-attività tal-Ħadd fuq il-Fosos tal-Furjana:

“Insellem lill-kapijiet kollha ta’ qabli, bil-fors fl-Indipendenza, li emmnu mhux fil-PN iżda emmnu fil-Maltin u l-Ghawdxin. U fl-Indipendenza ma nistax ma nsemmix lil Gorg Borg Olivier li emmen li minkejja li konna ilna dawk is-snin kollha kolonja stajna nagħmlu aħjar waħedna. Konna kapaċi ….  Imbagħad il-pass li jmiss meta iġġilidna għad-drittijiet fundamentali. Insellem wkoll lil Eddie Fenech Adami mhux biss għax kien l-aktar politiku li segwejt f’ħajti min raħal twelidi wkoll imma għax kont preżenti meta iġġilidna l-ġliediet għax-xogħol, għall-ġustizza u l-libertà. … … Irrid insellem ukoll lil Lawrence Gonzi li lill-pajjiż fl-agħar żmien ekonominku tad-dinja irnexxilu xorta jżomm lill-pajjiż tagħna fuq sisien finanzjarji tajbin.”