Filmat: Delia se jlaqqa’ lill-MPs għall-messaġġ politiku dwar Melvin Theuma

Aġġornat 08:45 AM

L-Avukat tal-familja Caruana Galizia jiddubita jekk kienx suwiċidju

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jlaqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-PN biex jiddiskutu l-messaġġ politiku dwar is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li t-Tlieta filgħaxija, Melvin Theuma, s-sensar fil-każ, iddaħħal l-isptar bi ġrieħi serji.

Il-ġimgħa li għaddiet, Adrian Delia ġie sfiduċjat darbtejn mill-fora tal-Partit Nazzjonalista, l-ewwel mill-maġġoranza tad-deputati tal-PN fil-Parlament imbagħad mill-Kumitat Eżekuttiv.

F’messaġġ qasir fis-1.15am tal-Erbgħa filgħodu, huwa qal li kulħadd għandu jingħaqad biex il-kriminalità tiġi ma tibqax taħkem lil Malta. Fil-messaġġ tiegħu Adrian Delia appella għal diversi drabi għall-kawtela u biex ħadd ma jasal għall-ebda konklużjoni jew spekulazzjoni. Qal ukoll li lil hin mill-politika partiġjana il-familji ma jixirqilhomx li jgħaddu minn trawmi bħal dawn. Sostna li hu se jistenna r-rapporti formali inkluż dawk mediċi biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jifforma l-messaġġ politiku.

Il-laqgħa se ssir fis-2.30pm.

Id-deputat Nazzjonalista u avukat tal-familja Caruana Galizia kien xettiku dwar l-istqarrija tal-Pulizija li tgħid li l-ġrieħi serji li kellu Melvin Theuma kienu “attentat ta’ suwiċidju”. Huwa staqsa kif il-Pulizija kienu jafu tant malajr li kien tentattiv ta’ suwiċidju.

Din il-post tneħħiet ftit tal-ħin wara.