Filmat: ​Delia jiftaħ kawża l-Qorti biex jitħassar il-kuntratt bejn il-VGH u l-Gvern; il-Gvern iwieġeb

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża l-Qorti biex il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) li permezz tiegħu nbiegħu tliet sptarijiet jiġi ddikjarat null.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet barra l-Qorti, Delia fakkar kif fid-29 ta’ Jannar  il-PN kien fetaħ protest ġudizzjarju fuq il-biegħ tal-isptarijiet pubbliċi. Stqarr li “għaddew ġimgħatejn u ma wieġeb ħadd”. Żied jgħid li saru diversi domandi ta’ relevanza nazzjonali dwar l-isptarijiet u l-VGH li baqgħu bla risposta.
Delia qal li l-PN se jkompli dak kollu li jista’ biex l-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa jerġgħu jmorru għand il-poplu Malti u Għawdxi. Qal li għalkemm il-poplu kien qed iħallas il-miljuni, spiċċa ma gawda xejn mill-investiment.
F’Diċembru, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal ma’ Newsbook.com.mt li t-taħditiet bejn Vitals Global Healthcare (VGH) u Steward Health Care System, kumpanija fl-Istati Uniti, kienu ilhom għaddejjin diversi xhur u li l-ftehim ġie ffirmat fl-20 ta’ Diċembru 2017.
Fis-6 ta’ Frar it-tobba għamlu strajk fi protest kontra l-bejgħ tal-isptarijiet lil Steward.  Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan qal li l-ftehim innifsu huwa l-problema u mhux il-kumpanija Steward Healthcare.
“Jipprova jgerrex l-investiment” – PL
F’reazzjoni għal dak li qal Delia, il-Partit Laburista qal li Deliabaqa’ għaddej bl-istess tattika tal-Kap ta’ qablu li jipprova jgerrex l-investiment.”
Fi stqarrija l-PL qal li Delia kellu jmur il-Qorti filgħodu iżda “spiċċa  għadda l-għodwa jissielet mal-grupp parlamentari tiegħu”.
Skont il-PL, meta ħabbar dak li kien se jagħmel qabel ma  kellem lill-grupp parlamentari, Delia spiċċa gerrex deputati tiegħu stess li sejħilhom fid-Dar Ċentrali għal-laqgħa ta’ sagħtejn.
Delia jipprova jtellef lill-pazzjenti mill-aqwa infrastruttura ta' sptarijiet – il-Gvern
F'reazzjoni, il-Gvern qal li l-azzjoni ta' Delia fil-Qorti kontra investiment fil-qasam tas-saħħa mill-kumpanija Amerikana Steward hi intiża biss biex tipprova ttellef lill-pazjenti mill-aqwa infrastruttura ta’ livell dinji fl-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech.
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni mhux qed tipproponi alternattivi u li l-Oppożizzjoni hija kontra l-investiment barrani.