Filmat: Delia jgħid li ssagrifika kollox għall-PN; Grech jappella għall-bidla

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Joseph Grech indirizzaw lill-Kunsillieri tal-PN f’elezzjoni li qed issir bejn dawk li jridu vot ta’ fiduċja f’Delia u elezzjoni għal Kap ġdid.

B’vuċi miksura, Adrian Delia qal li huwa ssagrifika kollox saħansitra lill-familja tiegħu għaliex telaq il-karriera ta’ avukat biex beda jmexxi lill-Partit Nazzjonalista. Tkellem ukoll dwar il-ħidma tiegħu fil-Qorti biex iġib lura l-isptarijiet pubbliċi mill-bejgħ li qal li sar b’mod korrott lil Vitals.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien qed jagħmel l-aħħar argumentazzjoni tiegħu biex il-Kunsilliera jagħżlu vot ta’ fiduċja minflok elezzjoni għal Kap ġdid fis-sessjoni tal-lum tal-Kunsill Ġenerali.  Filwaqt li Adrian Delia ffoka d-diskors tiegħu billi ta rendikont tal-avvenimenti ewlenin taħt it-tmexxija tiegħu minn Settembru 2017 sa issa, Joseph Grech tkellem dwar l-involviment taż-żgħażagħ u kif il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn bidla fit-tmexxija.

Joseph Grech qal li l-PN għandu bżonn tmexxija soda, kredibbli li tista’ twassal lill-Partit Nazzjonalista għal rebħa elettorali u appella lill-Kunsilliera biex fil-votazzjoni ta’ bħalissa jivvutaw biex it-tesserati jagħżlu kap ġdid.

Bħala President tal-MŻPN u bħala wieħed minn dawk li appoġjaw lil Delia fl-2017, Grech qal li jinsab diżappuntat minħabba li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jirnexxielu jġib riżultati tajbin fl-istħarriġ li qed isir. Stqarr li ma jistax ikun komdu li l-Kap li appoġġja mhux jirnexxielu jagħmel dan.

Huwa appella wkoll għall-onestà għaliex fi kliemu l-ħbieb u l-kollegi jridu jkunu onesti ma’ xulxin u kull min jimmilita fil-PN u ma jagħmilx dan ikun qed jonqos mir-responsabbiltà.

Grech tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi fil-PN fejn qal li rċieva theddida mit-tmexxija minħabba li se jittieħdu passi kontra ż-żgħażagħ. Qal li ma jistax jemmen kif il-partit tal-libertà qed iwaqqaf liż-żgħażagħ milli jesprimu lilhom infushom.