Filmat: Delia jgħid li l-Pulizija ma ċemplulux għal interrogazzjoni

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-mexxej tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li mhux veru li l-Pulizija ċemplulu biex isaqsuh xi mistoqsijiet. Newsbook.com.mt staqsa lil Delia dwar iħossux komdu jibqa’ jżomm il-kariga li għandu, anka jekk għaddejjin investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar allegat ħasil ta’ flus. Is-Supretended tal-Pulizija żvela dan fil-Qorti l-ġimgħa li għaddiet.

L-investigazzjoni hija dwar allegat ħasil ta’ flus minn prostituzzjoni illeċita f’Soho, ir-Renju Unit. Allegatament dan sar f’isem Eucharist u Emanuel Bajada. Dan kienet irrappurtatu għall-ewwel darba l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.

Il-mexxej tal-PN qal li jixtieq ikun jaf dwar l-investigazzjoni tal-pulizija, fejn il-persuna kkonċernata baqgħat ma ġietx interrogatha wara tliet snin.

Waqt seduta ta’ inkjesta pubblika, meta s-Supretendent tal-Pulizija Ray Aquilina ġie mħarrek, ix-xhud qal li l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia kienet trattata bħala sors miftuħ. Fix-xhieda ġuramentata tiegħu, Aquilina kien qal li l-FIAU fasslet rapport ta’ tranżazzjoni suspettuż u li għaddietu lill-Pulizija.

L-FIAU tgħaddi biss rapporti ta’ din ix-xorta meta jkun hemm suspett raġonevoli li sar reat ta’ ħasil ta’ flus u li hemm bżonn ta’ aktar investigazzjoni. Ir-rapport tal-FIAU tfassal f’Marzu tal-2018.

Ix-xhud qal lill-Bord tal-Inkjesta li kien hu li investiga l-każ u kien għadda r-rapport lis-superjuri tiegħu biex tittieħed l-azzjonij li hemm bżonn.

Fi tweġiba għall-mistoqsija mressqa mill-Membru tal-Bord tal-Ġustizzja Abigail Lofaro, Aquilina kien qal li l-eks Ministru Chris Cardona ma kienx taħt investigazzjoni, madankollu, hu kien ikkonferma li l-investigazzjonijiet dwar Delia kienu għadhom għaddejjin.

Is-Supretended tal-Pulizija Ray Aquilina kien qal li sa fejn kien jaf hu ma kien hemm l-ebda inkjesta maġisterjali għaddejja dwar il-każ.

Reati ta’ ħasil ta’ flus huma limitati b’perjodu preskritt, jekk ma ssir l-ebda prosekuzzjoni qabel iż-żmien stipulat, ma jkun jista’ jsir xejn.