Filmat: “Delia hu l-kap leġittimu”; “Inħossni rredikolat niddefendih”

Read in English.

Filwaqt li Dr Samuel Azzopardi, il-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex tal-Partit Nazzjonalista, insista li Adrian Delia huwa l-kap leġittimu tal-partit, il-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista Dr Joseph Grech qal li jħossu redikolat meta jitpoġġa f’pożizzjoni fejn ikollu jiddefendi l-integrità tal-kap.

Dan qaluh f’intervista dalgħodu waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart. Huma kienu intervistati minn Fr Joe Borg, partikolarment dwar is-suġġett fuq fomm kulħadd, dak ta’ kif il-grupp parlamentari tal-partit għadda vot ta’ sfiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan wassal sabiex ikollu jintervjeni l-President, li għandu l-jedd ineħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni mill-irwol tiegħu jekk dan jitlef il-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri tiegħu.

“Jiena naħseb li Adrian Delia għandu jibqa’ Kap tal-PN, jekk jibqax Kap tal-Oppożizzjoni tarah il-Kostituzzjoni li għandu l-President. Dan għaliex huwa l-Kap tal-PN elett mit-tesserati u kkonfermat mill-Kunsill Ġenerali sena ilu,” qal Azzopardi. Kompla jinsisti li huwa l-kap leġittimu tal-PN.

“Il-pożizzjoni tiegħi hija kemmxejn differenti. Mhux gost u pjaċir tiegħi li ngħid dan id-diskors…Delia l-ewwel ċaħad li kellu komunikazzjoni ma’ Fenech, imbagħad ħareġ li kien hemm xi leaks, ma konnhiex nafu jekk il-verżjoni inbidlitx. Il-kap tal-PN ma jistħoqlux li jkun involut f’din il-biċċa xogħol u naħlu r-riżorsi tal-partit u saħħitna biex niddefendu l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-kap tagħna stess. Dan huwa inaċċettabbli, jiena nistħi, inħossni rredikolat li jkolli niddefendi l-kap tiegħi stess,” qal min-naħa tiegħu Grech.

Imħassbin dwar il-komunikazzjoni ta’ Delia ma’ Fenech?

Dwar jekk jinsabux imħassbin dwar il-komunikazzjoni li kellu Delia ma’ Fenech, Azzopardi qal li wieħed irid jara l-kuntest tal-konverżazzjoni, filwaqt li Grech qal li qed jintuża kejl differenti għal persuni differenti.

“Il-Kap tal-Oppożizzjoni meta kien mistoqsi dwar il-komunikazzjoni ma’ Fenech kien mistoqsi jekk din kinitx ta’ relevanza, din hija l-mistoqsija. Meta tkun f’uffiċċju bħal dan, se tirċievi talbiet tat-tip biex tiltaqa’ għal ikliet u laqgħat. Ma naħsibx li f’dak il-mument Delia kellu jibgħat lil Yorgen Fenech jixxejjer, imma kellu jeħles minnu. Kieku vera mar dik l-ikla, il-pożizzjoni tiegħi kienet tkun differenti,” qal Azzopardi.

“Naħseb qed nużaw kejl differenti. Meta l-PN tkellem fuq forsi affarijiet simili li għamel il-Partit Laburista talab għal riżenja. Mela għax tagħna naċċettaw ċertu affarijiet u fuq il-PL le. Delia qed juża l-mantra tad-difiża li hu kien elett mit-tesserati. Dan ifisser li bl-istess kejl, Joseph Muscat ma kellux jirreżenja għax kien elett mill-akbar maġġoranza li qatt ra l-pajjiż?” qal Grech.

Delia jriduh it-tesserati u ma jriduhx il-Maltin?

Id-diskors dar fuq kif kemm is-sondaġġi lokali, kif ukoll l-elezzjoni tal-MEPs tas-sena li għaddiet turi biċ-ċar li Delia m’għandux il-fiduċja tal-poplu. Huma tkellmu dwar x’ifisser li Delia għandu l-fiduċja tat-tesserati fl-istess waqt li ma jriduhx il-Maltin.

“Jiena qatt ma kont sentimentali fuq Adrian Delia, qatt m’għamilt xi eloġju Delia. Jien kemm-il darba kritikajtu. Jiena mhux konvint li din il-mossa saret propju fuq il-messaġġi ma’ Yorgen Fenech. Se npoġġu lil Delia fl-istess keffa ta’ Muscat, Mizzi jew Cardona? Il-polls waħedhom ma tneħħix kap bihom. Aħna kellna partit li ġimgħa ilu approva statut ġdid fjamant u ma daħħalx mekkaniżmu li jara kif ineħħi l-Kap. Jekk ikun hemm mekkaniżmu tat-tip, mela kieku kien jiskatta l-mekkaniżmu,” insista Azzopardi.

“Il-kap qed idgħajjef lilu nniffsu”

“Ma naħsibx li aħna qed indgħajfu lill-Kap, imma l-Kap qed idgħajjef lilu nniffsu għax ipoġġi lilu nniffsu f’dawn il-pożizzjonijiet. Il-Vitals hija kawża tajba, imma ma jfissirx li kawża bħal din, tajba kemm hi tajba se ġġibilna lura dak li tlifna fil-polls. Hemm nuqqas ta’ kreddibilità,” insista Grech.

“Waħda mill-ewwel affarijiet li għamel Delia kien li daħal fil-każi kollha li beda Busuttil. Il-pubblikazzjoni tar-rapport Egrant, il-Vitals, u kellu parti wkoll fir-riżenja ta’ Muscat. Din il-ħsara mhux qed idgħajjef lill-kap iżda ed idgħajjef lill-partit,” qal Azzopardi.

“Ilna tliet snin b’kontroversja għaddejja fuq il-kap tal-partit, għaddiet sena mill-vot, u għadna qed niddefendu lil Adrian Delia. Minflok qed nagħmlu ġurnata wara ġurnata naħlu r-riżorsi fuq il-kap tal-partit. Hija responsabbiltà li nitkellmu fuq il-Kap tal-Partit min-naħa tagħna. Is-sondaġġi mhux l-unika raġuni għaliex għandu jirreżenja Delia,” irrimarka Grech.