Filmat: “Delia għandu juża l-istess etika” – Il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandu juża l-istess etika użata mill-Gvern miegħu nnifsu u mad-deputati tiegħu.

Dalgħodu reġa’ beda l-Parlament, bl-ewwel seduta tal-Prim Ministru Robert Abela fil-kariga. Waqt id-diskors qasir li għamel, il-Prim Ministru ħabbar li rċieva ittra ta’ riżenja mingħand il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u li aċċettaha. Dan wara li ħareġ f’rapport ta’ The Sunday Times li żewġha Silvio Valletta, eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija, siefer jara partita tal-futbol ma’ sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Wara li ħareġ mill-Parlament, Abela waqaf iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Meta kien se jkompli miexi wara li weġibhom, huwa dar lura u qal lill-ġurnalisti li l-Gvern ta eżempju ċar u konkret tal-livell ta’ etika li hu mistenni. Qal li jistenna li Adrian Delia jieħu l-eżempju tal-Gvern miegħu nnifsu u mad-deputati tiegħu. Il-Prim Ministru sostna li dan huwa l-istandard il-ġdid ta’ etika u governanza tajba li kulħadd irid jimxi miegħu.

Waqt is-seduta parlamentari stess, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri indika l-istess ħsieb meta qal li Justyne Caruana “ħarġitu ta’ tifel lil Adrian Delia” peress li hu kien mixli b’diversi affarijiet, fosthom ħasil ta’ flus u prostituzzjoni, iżda qatt ma ġarr responsabbiltà ta’ dan.

F’kummenti oħra li ta lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li aġixxa dwar il-każ meta kellu l-istampa kompleta tal-affarijiet u ma jħossx li Caruana ħadet vantaġġ mill-fiduċja tiegħu fiha.

Abela qal li mhuwiex imħasseb dwar uffiċjali oħra tal-pulizija fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li beħsiebu jħalli f’idejn l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri biex jindaga u jieħu l-passi li jara li hemm bżonn.

B’reazzjoni għar-riżenja ta’ Caruana, l-għaqda Repubblika spekulat jekk il-Prim Ministru Robert Abela kienx jaf bl-“għemil korrott” tal-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta meta ħatar lill-mara tiegħu Justyne Caruana Ministru għal Għawdex il-ġimgħa li għaddiet.

Filmat: Miguela Xuereb