Filmat: Delia għandu jirreżenja – Lawrence Zammit

Id-Direttur tal-MISCO u Opinjonist Lawrence Zammit sostna li l-Kap tal-Opożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għandu jirreżenja. Tenna li Delia żbalja meta qal li m’għandux jirreżenja wara r-riżultat li ħareġ mir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ilbieraħ.

Zammit sostna li wara riżultat bħal dan partit ikollu bżonn “bidla bl-għeruq u x-xniexel”. Qal li l-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira bil-viżjoni tiegħu, u anke bil-persuni li jinsabu fih. Għaldaqstant, l-opinjonist, hu u jiġi intervistat minn Fr Joe Borg u Sylvana Debono waqt kollegament speċjali fuq RTK 103FM għal żmien l-elezzjonijiet sostna li issa wasal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jagħmel eżami serju tiegħu nniffsu. Qal li jekk ifalli milli jagħmel dan mhux biss se jkun qed jonqos lis-segwaċi tiegħu, imma wkoll lil Malta u Għawdex.

Aqra: “M’iniex se nirreżenja” – Delia

Meta mistoqsi minn Fr Joe Borg jekk Delia għandux iġib l-approvazzjoni mill-ġdid bħala kap tal-partit u tal-oppożizzjoni, Zammit tenna li hu wieħed minn dawk li jemmen li Delia għandhu jirreżenja. Hu insista li Delia żbalja meta qal li ma jħossux li għandu jerġa’ jitlob il-fiduċja tal-membri tal-Partit u tal-Kunsill Ġenerali. Sostna li b’dan it-tip ta’ riżultat, Delia ma jistax jibqa’ jmexxi lill-partit bħal ma qisu qatt ma ġara xejn. Insista li r-riżultat juri b’mod ċar li hemm xi ħaġa li wasslet biex il-partit ma jibqax igawdi l-appoġġ tal-popolazzjoni Maltija. Għaldaqstant kompla jgħid li jaħseb li sakemm Delia jibqa’ fil-karigi tiegħu, se jibqa’ jkun hemm dawn it-tipi ta’ riżultati.

Intant, f’kummenti li ta lill-media wara li ħarġu r-riżultati preliminari tal-elezzjoni, Delia qal li dan mhuwiex żmien li jsiru elezzjonijiet interni, u b’hekk mhuwiex se jkun qed jirreżenja. Huwa kompla billi fakkar li meta hu ħa r-riedni tal-partit f’idejh sena u nofs ilu, ma bediex minn żero imma beda minn taħt iż-żero.

Aqra: Il-Kummissjoni Elettorali tħabbar is-6 MEPs eletti

“Il-kandidati li imbotta l-PN ma ġewx eletti”

Zammit tenna li l-fatt illi l-kandidati li l-aktar li mbotta l-PN ma ġewx eletti huwa sinjal ċar li dan huwa post ieħor fejn falla l-PN. Sostna li huwa interessanti kif David Casa, prattikament għamel kampanja waħdu, u kien grazzi għal din il-kampanja li t-turnout tal-PN żdied. Irrimarka li hemm x’jindikalu illi li kieku Casa ma kkontestax l-elezzjonijiet, kien ikun hemm għexieren ta’ persuni la ma jmorrux jivvutaw. Kompla jgħid li Casa, flimkien mal-kandidata l-oħra eletta għall-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, kellhom kampanja li marret tajjeb ħafna man-nies, għall-kuntrarju tal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista.

Aqra: L-eżekuttiv tal-PD se jirreżenja; m’għandix ħsieb li nerġa’ nsir kap – Farrugia

Aqra: Jirreżenja l-Kap tal-Moviment Patrijotti Maltin