Filmat: “Delia f’pożizzjoni assurda mhux jien” – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinsab f’pożizzjoni assurda u problematika għax l-argumenti li għamel fil-konfront ta’ nies oħra ma jridx jagħmilhom kontrih innifsu.

F’kummenti mal-midja, Muscat qal li dejjem stenna investigazzjoni biex tintemm u qal li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu abbażi tal-konklużjonijiet. Huwa saħaq li dejjem kien konsistenti f’dak li qal.

The Sunday Times of Malta lbieraħ irrappurtat li l-allegat involviment ta’ Delia f’ċirku tal-prostituzzjoni f’Londra huwa parti minn investigazzjoni tal-Pulizija kontra l-ħasil tal-flus. F’Awwissu tal-2017, il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li madwar £1 miljun minn prostituzzjoni ġew ipproċessati mill-konta ta’ Delia ma’ Barclays International f’Jersey.

Dwar il-kumpanija 17 Black, Muscat qal li l-investigazzjoni mhix fuq persuna u li dan huwa skont dak li l-Avukat Ġenerali qal lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.