Filmat: Delegazzjoni tal-PE għas-Slovakkja wara l-assassinju ta’ ġurnalist

Delegazzjoni mill-Parlament Ewropew se tintbagħat fuq missjoni lejn is-Slovakkja biex tinvestiga s-sitwazzjoni fil-pajjiż wara l-assassinju tal-ġurnalist Jan Kuciak.
Fi stqarrija, il-Partit Popolari Ewropew (EPP) qal li delegazzjoni se tintbagħat fis-Slovakkja biex tiġbor il-fatti. Skont l-EPP, id-dati taż-żjara għadhom ma ġewx iffinalizzati, però qal li din tista’ ssir mis-7 ta’ Marzu ‘l quddiem.
Il-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak nqatel flimkien mat-tfajla tiegħu, probabbilment inqatel minħabba x-xogħol investigattiv tiegħu.
Ilbieraħ il-Membru tal-PE tal-EPP Manfred Weber qal li wara l-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia u l-qtil tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak jemmen li hemm bżonn li jkun hemm investigazzjoni indipendenti fis-Slovakkja.
Il-MPE tal-partit tal-ħodor, Sven Giegold, qal li l-Parlament ħa “azzjoni b’saħħitha” meta kien hemm assassinju ta’ ġurnalista f’Malta u għalhekk jemmen li l-istess għandu jiġri fis-Slovakkja.
Il-President tal-PE Antonio Tajani qal li se jibdew il-preparamenti biex delegazzjoni mill-PE tkun tista’ tmur lejn is-Slovakkja mill-aktar fis possibbli.