Filmat: “Dejjem se jkun hemm min jagħtik xi ħarsa għax differenti” – Maja

Maja Theuma, żagħżugħa ta’ 19-il sena bid-dwarfiżmu spjegat li meta ġieli toħroġ timxi, dejjem se ssib lil xi ħadd li jagħtiha xi ħarsa minħabba d-diżabilità tagħha. Intervistata minn Newsbook.com.mt, Maja qalet li filwaqt li kien hemm żmien fejn forsi kienet tħossha ftit ħażin minħabba f’hekk, illum il-ġurnata m’għadhiex tagħti każ u b’hekk xi ħaġa bħal din ma żżommhiex lura.

Maja, li bħalissa hija studenta qalet li fil-ħin liberu tagħha hi tgħum u tiprattika madwar 10 sigħat fil-ġimgħa. Spjegat li hi tipprova tibbilanċja bejn l-istudju u l-għawm. L-imħabba tagħha għall-għawm bdiet jum wieħed meta flimkien mal-ġenituri tagħha kienet qed tixtri ballun tal-water polo għal ħuha. Kowċ tal-għawm kienet staqsietha jekk tridx tibda titħarreġ mat-tim paralimpiku tal-għawm. Minn hemm bdiet tikber il-passjoni u l-imħabba tagħha għal dan l-isport.

“Dejjem sibt l-għajnuna”

Maja sostniet li hi dejjem sabet l-għajnuna li kellha bżonn, kemm mill-familja, kif ukoll mill-ħbieb. Spjegat li ġieli sabet xi diffikultajiet, iżda llum il-ġurnata tuża’ żminijiet bħal dawn biex tagħti lezzjoni lil persuni li forsi ma jifhmux.

Fortunatament, Maja sostniet li ma tantx issib ruħha f’pożizzjonijiet fejn tiġi trattata differenti minn ħaddieħor u tħossha vera grata għal dan. Spjegat li minkejja dan, tinsab konxja li hemm persuni oħrajn li m’humhiex daqshekk fortunati u jgħaddu minn tbatijiet u anke bbuljar.

Tgħidilna x’ħasset meta semgħet bl-istorja ta’ Quaden

Filmat li dar il-midja soċjali ftit tal-ġimgħat ilu kien propju dwar tifel ċkejken bl-isem ta’ Quaden, li għadda minn ibbuljar aħrax fl-iskola tant li wassal sabiex jgħid lil ommu li jrid itemm ħajtu. Il-filmat juri lit-tifel imbikkem u f’dulur sħiħ jibki u jixher u jgħid lil ommu li ma jridx jgħix iktar. Quaden jiġi bbuljat fl-iskola għaliex hu għandu d-dwarfiżmu u minħabba f’hekk jidher differenti mit-tfal l-oħra.

Maja sostniet li meta rat il-filmat ta’ Quaden ħasset l-uġigħ tiegħu. Spjegat li bdiet timmaġina minn xiex għadda. Qalet li fortunatament, hi ma kinitx għaddiet minn ibbuljar tat-tip. Madanakollu sostniet li storja bħal din tgħallimna kif kelma li forsi ma fissret xejn għal min qalha jaf kienet punt ta’ rovina għall-persuna l-oħra li rċevietha. Qalet li kelma waħda biss jaf twassal persuna f’punt li tkun trid twettaw suwiċidju.

Hi appellat sabiex kull min iħoss li għaddej minn problemi simili, għandu jfittex li jsib l-għajnuna li għandu bżonn.

Magħżula għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Maja hija waħda mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Mistqosija xi jfissru għaliha l-kliem “Different is Normal”, Maja sostniet li permezz ta’ din il-kampanja, hi flimkien mal-parteċipanti l-oħrajn tħallew iwasslu l-messaġġ li minkejja li għandhom diżabbiltajiet differenti, kulħadd għandu xi abbiltà.