Filmat: “Dawn il-persuni jistgħu jkunu ta’ tama għalina” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li filwaqt li l-immigranti li jiġu Malta jkunu qed ifittxu għajn ta’ tama, huma jistgħu jservu wkoll ta’ tama għall-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa qal dan ma’ Newsbook.com.mt waqt żjara fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far immexxi minn Patri Dijonisju Mintoff u għadd ta’ voluntiera, fejn jieħdu ħsieb grupp ta’ 52 immigrant.

Mons. Scicluna qal li għalih din kienet opportunità sabiħa li jżur il-Laboratorju tal-Paċi, jiltaqa’ ma’ Patri Mintoff u jżur dawn il-ġuvintur li kollha qed iħossuhom milqugħin ħafna f’Malta. Spjega li huma ġejjin minn kull parti tal-Afrika u anke mill-Asja.

Irrimarka kif fid-diskors li għamel lil dawn il-ġuvintur, hu ftakar fl-esperjenza ta’ 2,000 sena ilu, meta seħħ in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta. Il-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu laqgħu lill-276 persuna, fosthom ukoll lil San Pawl, li kien priġunier.

Miguela Xuereb

“Żommu f’moħħkom li mhux faċli”

Fil-messaġġ tiegħu lill-grupp ta’ immigranti preżenti għal din iż-żjara, l-Arċisqof talabhom biex iżommu f’moħħhom li din is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni mhix faċli għal Malta. Sostna iżda li hu qiegħed hemm biex jagħtihom it-tama u jgħidilhom li huma milqugħin f’Malta.

Hu spjega li Malta trid tibqa’ taħdem biex tkun ħanina ma’ dawn il-persuni, speċjalment meta wieħed jara s-saram li għaddew minnu sakemm waslu fil-pajjiż. Spjega li l-Maltin u min iħaddem, għandhom jassiguraw li dawn il-persuni jkunu protetti fuq xogħolhom u bħalma huma jikkontribwixxu lejn l-ekonomija ta’ Malta, Malta tikkontribwixxi għall-benessri tagħhom.

L-Arċisqof irrimarka li hemm bżonn nitolbu li jkollna aktar persuni bħal Patri Dijonisju. Qal li hemm bżonn persuni bħalu “li għandhom il-kuraġġ li jkunu profeti”. Irrimarka li hemm bżonn li l-Laboratorju tal-Paċi jingħata futur, filwaqt li spjega li Patri Dijonisju qed javvanza fl-età, hekk kif qed joqrob dejjem iktar lejn id-90 sena. “Hemm bżonn l-għajnuna ta’ aktar żgħażagħ jaraw li l-Laboratorju tal-Paċi jkollu futur wara Patri Dijonisju,” insista l-Arċisqof.

Miguela Xuereb

Diskorsi mqanqla minn diversi residenti

Diversi residenti li jgħixu f’dan il-Laboratorju tal-Paċi ngħataw l-opportunità li jindirizzaw lill-Arċisqof u jirrakkontaw l-istejjer u l-esperjenzi tagħhom. L-Arċisqof, bi ħlewwa liema bħala, sema’ l-istejjer tagħhom u wriehom li hu lest li jibqa’ jismagħhom meta u fejn ikun hemm bżonn.

Ir-residenti insistew li huma grupp ta’ persuni li jħobbu l-paċi u li minkejja li ġejjin minn diversi pajjiżi u diversi reliġjonijiet, jgħixu flimkien bħala komunità waħda. B’referenza għall-immigranti li hemm fiċ-Ċentru ta’ Akkoljenza fil-Marsa, li qajmu dawk li ssejħu rewwixti, huma sostnew li dawn huma persuni kompletament differenti minnhom. Insistew li l-Maltin m’għandhomx iħarsu lejn dawn il-persuni u jittimbraw kull immigrant u persuna ta’ karnaġġjon skur bħala bniedem ħażin li se jqajjem rewwixta.

Intant, huma rringrazzjaw lill-Gvern Malti li wera ħniena magħhom u qed jagħtihom is-sapport u l-għajnuna meħtieġa. Huma rringrazzjaw ukoll lill-poplu Malti talli qed jilqagħhom bl-imħabba u l-ħniena kollha f’Malta, b’mod speċjali lil dawk il-voluntiera kollha li qed jagħtu s-servizz tagħhom f’dan iċ-ċentru.

Filmat: Miguela Xuereb