Filmat: “Dawk il-flus huma misħuta u nisħithomlkom jien” – L-Arċisqof

Read in English.

“Il-kmandament ta’ Ġesù mhuwiex fl-ajru u l-kelma tal-Isqof hija ċara: qed navża lil min qiegħed jagħmel l-użura u qed isawwat lill-poplu tagħna billi jxaħħam butu li dawk il-flus huma misħuta u nisħithomlkom jien.”

Kien l-Arċisqof Charles Scicluna li qal dan il-kliem ċar u iebes kontra min jagħmel l-użura waqt li kien qiegħed iqaddes fil-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas f’Ħal Qormi l-Ħadd. L-Arċisqof kien qed jirrifletti fuq il-qari tal-Vanġelu skont San Mattew fejn Ġesu tkellem fuq l-immħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu u fuq l-ewwel qari mill-ktieb tal-Esodu li ta’ eżempji prattċi kif tkun l-imħabba lejn il-proxxmu.

“Uħud qed itemmu ħajjithom”

L-Arċisqof ikkundanna lil dawk li jselfu bl-użura. Semma bħala eżempju lil min jitlob €100 oħra għal €100 li jkun silef u iddeskriva dan bħala serq u dnub li jgħajjat lil Alla.

L-Arċisqof qal li hemm min biex iwassal sal-aħħar tax-xahar ikollu jissellef u jitolbuh id-deheb, mhux biss bħala rahan imma bħala ħlas. Semma li hemm min hu vittma tal-użura minħabba n-negozju li sejjer ħażin jew inkella minħabba l-vizzju tal-logħob.

“Hu x’inhu, meta jiġi bniedem iħabbat fuq il-bieb tiegħek u jitolbok tisilfu” qal l-Arċisqof “tkun qed tidneb gravament jekk tmur kontra l-liġi u titolbu iżjed mit-8% li tippermetti l-Liġi ta’ Malta.. Semma li hemm min qed jitlob 20% jew 30% interess.

B’ton iebes l-Arċisqof qal:

Navżakom se tagħtu kont lil Alla talli twasslu lin-nies f’tarf ta’ preċipizzju. Uħud itemmu ħajjithom għax ma jistgħux iħallsu d-dejn tal-użura.

L-Arċisqof wara li tkellem dwar l-użura qal li l-ktieb tal-Esodu jsemmi żewġ kategoriji oħra ta’ fqar li jgħoddu għal lum: il-barranin u r-romol u l-iltiema.

“Qishom qedgħin fuq żaqqna”

Meta tkellem dwar il-barranin, l-Arċisqof qal li “kultant, meta nitkellmu fuq il-barranin nitkellmu b’disprezz, ma ngħidx mibegħda, imma b’ċerta irritazzjoni, intolleranza, qishom qegħdin fuq żaqqna.”

Huwa fakkar li  ħafna familji Maltin għandhom xi qraba barra minn Malta bħala emigranti. Huwas semma li anke l-familja tiegħu u hu kienu emigranti fil-Kanada.  Lil min jgħidlu li “Intom kellkom il-karti kollox f’postom”, l-Arċisqof qal li jwieġbu li “Ġesù kellu jaħrab tarbija ma’ ommu u missieru, ma kellu l-ebda karta in order. Kien barrani u laqgħuh fl-art tal-Eġittu.”

L-Arċisqof qal li l-Knisjan kif tgħin lill-immigranti  qed tgħin ukoll lir-romol u lill-iltiema. Semma bħala pożittiv il-fatt li minħabba l-fostering u l-adozzjoni naqas l-għadd ta’ tfal li jkollhom bżonn residenza “imma kultant ikun hemm sitwazzjonijiet fejn bħala Nsara rridu nxammru l-kmiem u nagħmlu li nistgħu. U hekk nagħmlu.”