Filmat: Darba stidint lil Simon Busuttil u ppruvaw iwaqqfuni – Peppi Azzopardi

Il-preżentatur Peppi Azzopardi żvela li darba l-PBS ipprova jiċċensurah billi jwaqqfu milli jistieden lil Simon Busuttil fuq il-programm Xarabank.

Dan żvelah waqt intervista li għamillu Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart nhar is-Sibt li għadda.

Il-preżentatur spjega li fiż-żmien meta Simon Busuttil, li kien Kap tal-Oppożizzjoni, beda jingħata raġun fuq li kien qed jgħid, huwa kellu jkun mistieden fuq Xarabank li kien jixxandar fuq it-TVM. Ixxandar riklam promozzjonali tal-programm li fih tħabbar li Busuttil se jkun wieħed mill-mistednin, u Azzopardi rċieva telefonata, li fiha qalulu jneħħi r-riklam. “Tagħmlux, tagħmlux, ivvinta xi ħaġa,” qalulu. Iżda l-preżentatur, magħruf għal-leħen niggieżi tiegħu, stqarr ma’ Prof. Azzopardi li ma setax jagħmel xi ħaġa bħal din. “Ma tarax, dawn l-affarijiet ma nagħmilhomx jien,” spjega.

Qal li l-mibki Professur Oliver Friggieri darba kien qallu biex jekk ikollu ordni biex jagħmel xi ħaġa illegali jew mhux etika, ma jobdihiex.

Minkejja dan il-każ, qal li kellu relazzjoni tajba ma’ Reno Bugeja, li kien Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tat-TVM u editur tal-istazzjon nazzjonali sa ftit xhur ilu. Sejjaħlu “raġel fuq l-irġiel,” u qal li għalkemm kienu jilletikaw, qatt ma kellhom xi problemi serji, għax dejjem tah il-libertà. Sostna li hu ma kienx jaċċetta li jiddettawlu x’jagħmel.

“L-iskeda tax-xandir irtukkjata minn Kastilja”

Fil-każ ta’ din il-kwistjoni dwar Simon Busuttil, Azzopardi qal li probabbli din ma kinitx ġejja mill-Kap tal-PBS, iżda minn xi poter ogħla. Fil-fehma tiegħu, il-Gvern jinvolvi ruħu, u mhux il-Gvern Laburist biss, imma anke dak Nazzjonalist.

Peppi qal li l-iskeda tax-xandir tiġi rtukkjata minn Kastilja, u li inkwetanti ħafna li jkollok sitwazzjoni fejn il-Gvern jiddetta x’għandu jingħad fuq ix-xandir.

Ġab eżempju, iżda, b’Matthew Carbone, li huwa l-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jgħid illi dan ġieli ċempillu imma qatt ma kien jgħidlu x’jagħmel u ma jagħmilx, kien jikkuntattjah fuq mertu ta’ diskussjoni biss.

Peppi se jerġa’ jippreżenta?

Mistoqsi minn Prof. Andrew Azzopardi jekk għadx narawh jippreżenta xi programm ieħor, Peppi qal li mhuwiex interessat, minkejja li ġie avviċinat minn prattikament kull stazzjon.

Huwa stqarr li kien qed iħarreġ lil Mark Laurence Zammit biex dan eventwalment jeħodlu postu, u fil-fatt, fl-aħħar xhur, aktar preżenta programmi Mark milli Peppi.

Qal, iżda, li xorta waħda ħa għalih li waqqfu l-programm. “Ħadt għalija li waqqfu lil Xarabank, mhux lili, għax nemmen li kien qed idejjaqhom,” fisser Peppi, peress li t-tim ta’ Xarabank ma kienx jaċċetta ndħil. Skontu, l-ebda Gvern ma jaqbillu li jkun hemm Xarabank.

Prof. Azzopardi staqsieh ukoll jekk Mark Laurence Zammit huwiex paraventu għall-aġenda tiegħu permezz tal-programm tiegħu L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa li jixxandar fuq Television Malta wkoll. Peppi ċaħad dan, iżda qal li Zammit sikwit iċempillu għall-pariri, imma hu qatt ma jiddettalu x’għandu jagħmel, u lanqas ma jindaħal jekk Zammit ma jiħux il-parir tiegħu.

Taqbel li Kastilja tindaħal fix-xandir?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt