Filmat: Dar id-dinja f’erba’ snin u ma rikibx fuq ajruplan

Graham Hughes minn Liverpool żar 201 nazzjon biex huwa l-ewwel persuna li daret id-dinja mingħajr ma użat ajruplan.

Għamel  160,000 mil f’1,426 ġurnata fuq baġit limitat ta’ €75 fil-ġimgħa. Uża biss karozzi tal-linja, taxis u ferroviji jew inkella mexa. Ħadem film ta’ erba’ minuti biex jiġbor l-aqwa mumenti tal-erba’ snin vjaġġ. Graham beda l-vjaġġ madwar id-dinja fl-1 ta’ Jannar, 2009 u spiċċah f’Diċembru li għadda.

Malta kienet fost il-pajjiżi li żar. Kurjuża li filwaqt li Graham iffilmja lilu nnifsu jgħid l-isem ta’ kull post fejn jinsab, kienet Malta fejn nesa’ jagħmel dan l-ewwel darba.

Minbarra li kiser rekord dinji ta’ vjaġġ madwar id-dinja mingħajr ajruplani, Graham daħal għall-avventura biex jiġbor flus għal proġett ta’ karità imsejjaħ WaterAid.

Ma naqsux l-isfidi tul il-vjaġġ. Kien iktar faċli jidħol il-Korea ta’ Fuq, l-Iraq u l-Afganistan milli jasal il-Maldives u l-Gżejjer Seychelles minħabba t-theddia tal-pirati Somali. Huwa rnexxielu jaqsam l-ibħra billi akkwista vjaġġi b’xejn fuq bastimenti tal-ġarr tal-merkanzija. Darba irnexxielu wkoll jitla’ fuq cruiseliner mingħajr ma ħallas.

Fil-filmat, Malta tidher fit-78 post minn 201 pajjiż differenti.