Filmat: Daqshekk intejjen fix-Xlendi u f’Marsalforn?

L-intejjen miż-żibel fix-Xlendi u f’Marsalforn jidher li mhux se jdejqu iktar turisti hekk kif is-servizz tal-ġbir tal-iskart jidher li ġie għan-normal.

Is-Sindku tal-Munxar Sonya Abela spjegat għaliex is-sitwazzjoni kienet fi stat daqstant diżastruż. Filwaqt li qalet li kien hemm “rebus”, fissret li l-kuntrattur kiser il-kuntratt li kellu ma’ xi kunsilli u waqqfilhom is-servizz tal-ġabra tal-ħġieġ u li jbattlilhom il-bring in sites. Hija rringrazzjat lill-Ministri kkonċernati li kienu f’kuntatt kontinwu magħhom u baqgħu sakemm tawhom is-servizz lura ma’ kuntrattur ieħor.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Sindku taż-Żebbuġ, Daniel Cordina, ikkonferma wkoll li għan-nuqqasijiet ta’ Green MT daħlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li l-iskart se jinġabar minn kuntrattur ieħor. Żied jgħid li jidher li l-Kunsilli mhux se jidħlu fi spejjeż oħra.

L-iskart kien ilu jiem sħaħ ma jinġabar. Diversi qarrejja ta’ Newsbook.com.mt bagħtulna ritratti ta’ muntanji ta’ skart fl-aktar żewġ lokalitajiet iffrekwentanti mit-turisti fis-sajf.

Sadanittant, fi stqarrija konġunta, il-Ministeru għall-Ambjent, il-Ministeru għal Għawdex u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, saħqu li huma impenjati li fid-dawl tal-komunikazzjoni li saret f’Awwissu mill-iskema Green MT lil numru ta’ kunsilli lokali, jieħdu l-passi meħtieġa minn aspett olistiku sabiex tinstab soluzzjoni għall-ġbir tal-iskart riċiklabbli fl-immedjat.

L-istqarrija tgħid ukoll li l-ERA diġà kkomunikat formalment mal-partijiet konċernati dwar l-obbligi kif ukoll il-liġi sussidjarja dwar ir-regolamenti dwar l-ippakkjar u l-iskart tal-ippakkjar fl-immaniġġjar

Il-filmat ittieħed nhar it-Tnejn mis-Sindku tal-Munxar