Filmat: Dan il-poeta llum jagħlaq 76 sena. Għaraftu?

Fir-ritratt jidher meta kien żgħir il-poeta Ħamruniż Mario Azzopardi li twieled bħal-lum il-11 ta’ Settembru tal-1944. Illum qed jiċċelebra għeluq is-76 sena tiegħu.

Mario studja fil-Liċeo, fil-Kulleġġ tal-Għalliema u fl-Universita’ ta’ Malta u ggradwa (M.Pħil.) b’teżi dwar it-Teatru Komunitarju. Mario kien għallem l-arti, id-drama edukattiva u l-letteratura Maltija għal bosta snin fl-iskejjel statali u ħadem fil-Policy Unit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura bejn l-1998-2004, meta rtira mis-servizz pubbliku iżda xorta ntalab ikompli jmexxi ċ-Ċentru tad-Drama ta’ Malta. Huwa kien għalliem tal-Istorja tat-Teatru tas-seklu 20 fl-Università ta’ Malta.

X’aktarx li Mario hu l-aktar poeta Malti li esperimenta bi stili differenti, mill-vers “grafiku” sal-“poesej”. Ħadem ukoll bħala ġurnalista kulturali u artikolista ma’ ġurnali bħal L-Orizzont, Tħe Malta Economist, Tħe Bullettin, Tħe Malta Independent, In-Nazzjon u Il-Mument.

Matul is-snin idderieġa xogħlijiet ta’ awturi klassiċi u kontemporanji għat-televżijoni. Fl-1992 ħoloq u ppreżenta l-ewwel programm satiriku li qatt ixxandar fuq stazzjon tar-radju. Dan kienwassal għal bosta reazzjonijiet imħalltin.

Mario Azzopardi kien fost il-pijunieri tal-letteratura New Wave li tfaċċat f’Malta fis-snin Sittin, kif ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, li kien twaqqaf fl-1967, sewwasew biex jikkonfronta ‘l-istagnar fil-letteratura Maltija ta’ dik l-epoka u biex jiddemokratizza l-letteratura billi jeħodħa għand il-poplu fl-imsieraħ, fit-triqat, f’ambjenti rurali u f’xatt il-baħar.

Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu l-kotba Demgħat tas-Silġ (1976), Passiflora (1977), Tabernakli (1979), Monokordi (1984). Noti mis-Sanatorju tal-Mistiċi (1995) u Skizzi tal-Karnival (2010). Fl-1995 flimkien ma’ Oliver Friggieri, ġabar poeżiji u novelli b’temi ambjentali fil-ktieb. Fost l-aħħar kotba ppubblikati tiegħu nsibu Alicia Titkellem mill-Imwiet (Merlin Library) li ġie ppublikat fl-2007. Sentejn wara ħareġ L-Aħħar Granet ta’ Ciorni filwaqt li fl-2010 ippubblika Vampir (Horizons) kif ukoll il-ktieb Skizzi tal-Karnval li kien segwit minn Il-Fabbrikant tal-Marjunetti li nħareġ fl-2012.

Fl-2017 Mario Azzopardi ġie rikonoxxut bil-Lifetime Achievemnt Award li ngħatalu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Kotba ta’ Malta. Għal din l-okkażjoni kien inħadem ukoll programm speċjali fejn Azzopardi tkellem dwar ħajtu.

Film celebrating Mario Azzopardi

This interview was filmed and produced by Horizons Malta in collaboration with the NBC as part of the celebration of Mario Azzopardi as the winner of the 2016 Lifetime Achievement Award. The short film was first screened at the Malta Book Festival 2017.

Posted by National Book Council (Malta) on Wednesday, November 22, 2017

Nawguraw lil Mario l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.