Filmat: “Dan il-mużew għandu importanza partikolari għal Malta” – Herrera

Ritratt: DOI/ Jeremy Wonnacott

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru l-Mużew Maritimu fejn bħalissa għaddej xogħol infrastrutturali u ta’ dokumentazzjoni diġitali minn Heritage Malta. Dan il-proġett se jiswa madwar €2 miljuni u qed jiġi kofinanzjat minn fondi Ewropej.

Parti mill-proġett se jinvolvi xogħol infrastrutturali li jinkludi xogħol estensiv ta’ riabilitazzjoni fuq is-sit tal-mużew fejn se jitranġaw ħsarat strutturali u se ssir riabilitazzjoni ta’ partijiet mill-mużew li ma kinux jintużaw u b’hekk jinfetħu spazji f’dan il-mużew li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-Ministru Herrera saħaq li dan il-mużew għandu importanza partikolari għal Malta peress li pajjiżna hu assoċjat mal-qasam marittimu u b’konsegwenza ta’ dan, għandna numru kbir ta’ oġġetti marbutin mal-qasam marittimu. Spjega li Heritage Malta llum għandha unit li titratta l-arkeoloġija marittima u f’dan il-mużew se jkun hemm mapep li jindikaw fejn instabu dawn l-oġġetti fosthom il-fdalijiet tax-xwieni u l-vapuri madwar pajjiżna. Spjega li riċentament instab xini antik ta’ żmien il-Puniċi u li dan hu maħsub li jittella’ minn qiegħ il-baħar u jiġi esebit għall-pubbliku.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz tal-investiment ta’ żewġ miljun ewro kofinanzjati minn fondi Ewropej taħt il-fond tal-EEA u tan-Norwegian Grants, dan il-proġett tal-Mużew Marittimu ta’ Malta se jkollu biżżejjed riżorsi biex jinvesti fid-diġitalizzazzjoni tal-oġġetti esibiti li jgħinu għar-riċerka u għall-priservazzjoni tagħhom. Dan, flimkien ma’ diversi xogħlijiet ta’ restawr li se jkunu qed iwasslu għal tkabbir fil-faċilitajiet u spazji għall-esebizzjonijiet.

Noel Zammit, CEO ta’ Heritage Malta, qal li bis-saħħa ta’ dawn il-fondi il-Heritage Malta ħadet iċ-ċans biex tirrestawra parti mill-Mużew Marittimu, u ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed ambizzjuż.

Dan il-proċess ta’ diġitilizzazzjoni se jkun qed iwassal biex tinbena database tal-kollezzjoni nazzjonali li tkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mod virtwali wkoll. Għal dan il-għan qed jinxtara tagħmir tad-diġitalizzazzjoni bħal scanners 3D, drones u 360-degree videography biex issir id- diġitalizzazzjoni ta’ madwar 3000 oġġett importanti esebiti f’dan il-mużew.