Filmat: Dan il-Milied, għin lil dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom

Dan l-artiklu huwa parti mill-kampanja 'Ma Kienx Hemm Post Għalihom fil-Lukanda' ta' Newsbook.com.mt.

Read in English.

Huwa fatt illi f’Malta għandna persuni li m’għandhomx fejn joqogħdu.

Avolja lil dawn in-nies ma narawhomx reqdin fuq bank fil-ġnien tal-pjazza jew fuq l-għatba ta’ xi ħanut, f’Malta hawn numru konsiderevoli ta’ nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom u sfortunatament, dan in-numru qiegħed dejjem jiżdied. 

Il-problema tal-homelessness hija taboo, fejn bħala soċjetà nippreferu li ma nitkellmux fuqha u naħbu l-problema taħt it-tapit.

Il-fenomenu tal-’couchsurfing’, jiġifieri li persuna torqod, b’mod temporanju, għand ħbieb jew membri tal-familja, qiegħed jaħbi aktar din il-problema u ċerti drabi jagħmilha aktar diffiċli għall-persuna sabiex issib l-għajnuna, u s-sapport li għandha bżonn. 

Dak li tgħaddi minnu persuna minn mindu jibdew jitfaċċaw il-problemi li jwasslu li l-persuna titlef darha sakemm terġa’ tgħaqqad il-biċċiet tal-puzzle ta’ ħajjitha u terġa’ tqum fuq saqajha, jħalli impatt trawmatiku fuq il-persuna, kemm mentalment, fizikament u anke emozzjonalment. 

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Therese Cini Sarreo, l-Operations and Administration Manager fi ħdan il-YMCA Malta, qalet li ħafna nies jaħsbu li persuna tispiċċa homeless għax tkun traskurata, ma tiħux ħsieb tal-affarijiet tagħha, ma taħdimx għax għażżiena, jew għandha xi problemi tad-drogi, alkoħol jew logħob tal-azzard. Avolja dan jista’ jkun minnu, il-maġġoranza tan-nies li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom u li ta’ kuljum tiltaqa’ magħhom il-YMCA Malta, ma jkollhomx dawn il-problemi. Sfortunatament, ħafna drabi, persuna tispiċċa bla saqaf fuq rasha wara li tesperjenza serje ta’ avvenimenti fil-ħajja tagħha li ma jkollhiex kontroll fuqhom. 

Fittex l-għajnuna li għandek bżonn. Dan il-mument diffiċli huwa biss fażi f’ħajtek.

Għall-persuna li tkun tilfet dak kollu li tkun ilha snin taħdem għalih, huwa umiljanti u imbarazzanti li titlob l-għajnuna minħabba l-istigma soċjali assoċjata ma’ li ma jkollokx saqaf fuq rasek. Huwa diffiċli immens li titlob l-għajnuna lill-membri tal-familja jew tal-ħbieb u huwa aktar diffiċli titlob l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet voluntarji bħal YMCA Malta jew lill-aġenziji governattivi bħall-Appoġġ. 

Però, jekk inti tgħaddi minn mument f’ħajtek fejn hemm il-possibiltà li ma jkollokx post fejn toqgħod jew li ġa tlift darek, kun af li hawn għaqdiet voluntarji u servizzi oħra li jistgħu jgħinuk terġa’ tqum fuq saqajk. Fittex l-għajnuna li għandek bżonn. Dan il-mument diffiċli huwa biss fażi f’ħajtek. 

Jekk inti tixtieq tibgħat donazzjoni lill-YMCA Malta, inti tista’ tagħmel dan billi tibgħat SMS fuq 50619256 għall-donazzjoni ta’ €11.65.

Dan l-artiklu huwa parti mill-kampanja ‘Ma Kienx Hemm Post Għalihom fil-Lukanda’ ta’ Newsbook.com.mt.

Muntaġġ: Sarah Salafia