Filmat: Dan il-Milied għandna mmorru lura lejn l-essenzjal – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li wieħed għandu jmur lura lejn l-essenzjal matul dan il-Milied.

Dan qalu waqt intervista fuq l-istazzjon 103 – Malta’s Heart.

L-Arċisqof qal li jħoss li f’dan il-Milied wieħed irid imur lura lejn dak li huwa essenzjali u lejn dak li huwa l-veru Milied. Qal li fil-Milied wieħed irid jieħu ħsieb lill-proxxmu.

L-Arċisqof tkellem dwar kif iqatta’ żmien il-milied. Qal li fl-24 ta’ Diċembru jkollu ċelebrazzjonijiet liturġiċi, fosthom il-Quddiesa ta’ Nofsilejl fil-Katidral tal-Imdina. F’jum il-Milied ikollu quddiesa filgħodu.

L-Arċisqof qal li fil-25 ta’ Diċembru l-Caritas Malta torganizza l-ikla annwali tal-Milied għall-persuni li ma jkollhomx ma’ min iqattgħu l-ġurnata. Fakkar li s-sena l-oħra kien hemm aktar minn 450 ruħ li attendew għaliha. L-ikla ssir fil-bini tal-Kurja fil-Furjana. Kompla jispjega li diversi parroċċi qed jorganizzaw attivitajiet simili fuq livell parrokjali. Mons. Scicluna rringrazzja lill-benefatturi u l-voluntiera li joffru l-għajnuna tagħhom f’jum il-Milied.

Mons. Scicluna tkellem ukoll dwar ittra appostolika li kiteb il-Papa reċentament dwar is-sinifikat tal-presepju.

L-Arċisqof qal li apparti milli jitkellem dwar il-personaġġi differenti, il-Papa jitkellem ukoll dwar l-ambejnt – l-għar, l-annimali, il-kwiekeb, is-siġar. “Il-Papa qed jgħid li l-ħolqien huwa parti mill-presepju,” qal Mons. Scicluna.

Il-Papa jfakkar li l-bambin twieled f’maxtura – post minn fejn jieklu l-annimali. Ġesù meta jikber jagħmel referenza li huwa l-ħobż li niżel mis-sema. Ifakkar ukoll li r-rgħajja li kienu nies imwarbin ingħataw l-aħbar li twieled Ġesù. Dan b’referenza li kulħadd huwa mistieden jersaq lejn Ġesù.

Skont il-Papa, il-maġi jirrappreżentaw lill-ġnus.

L-Arċisqof spjega li din it-tifkira qaddisa ta’ kull sena tfakkar li Alla sar tifel li twieled minn mara. Qal li meta wieħed iħares lejn Ġesù Bambin ma jibżax għax tarbija mhix tal-biża’.

Mons. Scicluna fakkar ukoll f’talba ta’ San Ġorġ Preca: Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.