Filmat: “Damet ftit hemm, bdiet tiksaħ miskina”

“Damet ftit hemm, bdiet tiksaħ miskina”, kienu l-kliem ta’ mara li rat l-inċident tal-bieraħ lejn in-naħat tar-Riviera fil-Ġnejna.

Ilbieraħ, waqgħet tfajla u kisret sieqha f’post li kellu jtellagħha l-ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta. Mara li rat kollox iddeskriviet dak li ġara ma’ ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt, u spjegat kif il-koppja għaddiet minn ħdejhom, u ftit wara semgħu twerżieqa.

Qalet li ndunaw li weġġa’ xi ħadd, u għalhekk binha, Isaac, ċempel għall-ambulanza. Għalkemm l-ambulanza ġiet, ma setgħux jgħinuha minħabba li waqgħet f’post perikoluż. Fl-3.57pm ċemplu l-ambulanza. Żiedet tgħid li t-tfajla kienet qed itterter bil-bard peress li damet ftit hemm, u kienet liebsa malja biss.

L-għarus tat-tfajla, Zakaria Ferchiche, tkellem ukoll mal-ġurnalist, u spjega kif kienu mexjin meta waqgħet it-tfajla tiegħu, Alessia Tongyoun, u semgħu għadma tfaqqa’. Huwa spjega li b’kollox damu jistennew daqs sagħtejn u nofs għall-għajnuna, għaliex qisu kull nofs siegħa bdew jitfaċċaw nies differenti biex jgħinu, iżda minħabba li s-sitwazzjoni kienet kif kienet, kellhom finalment jistennew il-ħelikopter.