Filmat: Dalwaqt pieni eħrex għal min jaħqar l-annimali

Min jaħqar l-annimali se jkun qed jaffaċċja pieni eħrex, hekk kif qed jiġu diskussi emendi fil-liġi dwar id-drittijiet tal-annimali.

Ma’ Newsbook.com.mt, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li l-Kunsill tal-Ħarsien tal-Annimali u diversi NGOs ippreżentawlu numru ta’ rakkomandazzjonijiet.

Camilleri ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi dettalji dwar l-emendi kkunsidrati u qal li dawn se joħorġu aktar ‘il quddiem, meta jkun hemm l-approvazzjoni finali biex jitressqu quddiem il-Parlament.

Bħalissa l-liġi Maltija tgħid li dawk kollha li għall-ewwel darba jiksru xi liġi fl-att dwar it-trattament xieraq tal-annimali, jiġu mmultati bejn €1,000 u €55,000, jew/u sa tliet snin ħabs.

Jekk wieħed jinstab ħati għat-tieni darba jew aktar, jiġi mmultat bejn €5,000 u €80,000, jew/u aktar minn tliet snin ħabs.