Filmat: “Dal-Milied irridu nuru l-imħabba lejn l-anzjani billi ma nżuruhomx” – L-Isqof Awżiljarju

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li għall-kuntrarju tas-soltu, dan il-Milied irridu nuru l-imħabba tagħna lejn l-anzjani billi ma nżuruhomx, imma xorta waħda nistgħu nsibu modi oħra kif inferrħuhom u ngħinuhom ma jħossuhomx waħedhom.

Dan qalu waqt intervista fuq 103 Malta’s Heart dalgħodu.

Mistoqsi mill-preżentatur tal-103 Morning Show Arthur Caruana x’pariri jagħti lin-nies kif jiċċelebraw il-Milied f’pandemija din is-sena, l-Isqof Awżiljarju qal li tajjeb nagħrfu l-modi differenti kif nistgħu niċċelebrawh. Fisser kif din is-sena aktar nistgħu nesperjenzaw is-sinifikat propju tal-Milied, peress li nagħrfu x’inhu verament essenzjali f’dawn iż-żminijiet u x’inhu sekondarju.

Ammetta li normalment, il-Milied huwa żmien sabiħ ta’ ġabra fejn tiltaqa’ mal-qraba u anke mal-anzjani – hu stess iħobb iżur lil anzjani li jkunu waħedhom fi żmien il-festi – imma din is-sena għandu jsir l-oppost. Stqarr li qalbu tingħafas meta xi anzjan jew anzjana jibagħtulu jistax imur iżurhom. Mons. Galea Curmi enfasizza li l-imħabba tagħna lejn l-anzjani din is-sena nuruha billi nimxu mal-miżuri u ma nżuruhomx, għall-ġid tagħhom stess. Madankollu, xorta waħda nistgħu nsibu mezzi oħra kif inwasslulhom il-ferħ u l-paċi ta’ Ġesù, qal l-Isqof, pereżempju b’sempliċiment telefonata.

Qal li anke l-Kurja kellha taddatta f’dawn iċ-ċirkostanzi billi l-ikla annwali li ssir għal dawk li jkunu waħedhom mhijiex se ssir. Minflok, xorta waħda se jsir kuntatt telefoniku ma’ dawn in-nies u fejn hemm bżonn jitqassmulhom l-affarijiet.

L-Isqof Awżiljarju appella biex f’dan il-Milied, niftakru b’mod speċjali f’dawk in-nies li din is-sena mitilhom xi ħadd qribhom bil-coronavirus, peress li dawn ma setgħux jagħtuhom tislima kif xtaqu. Fi żmien bħal dan importanti niftakru f’min ġarrab telfa, tenna l-Isqof.

Mistoqsi fuq il-pjanijiet personali tiegħu għall-Milied, l-Isqof qal li s-soltu jiltaqa’ ma’ tal-familja imma dis-sena ma jistgħux. Lanqas ma jista’ jmur għand iz-zijiet peress li dawn qegħdin fid-djar tal-anzjani u ma jistax iżurhom. Madakollu, xorta waħda jrid iwasslilhom l-imħabba u l-paċi ta’ Kristu, u saħaq li xorta magħqudin flimkien minkejja ċ-ċirkustanzi.

Għamel aktar minn appell wieħed fuq il-ħtieġa li kulħadd jimxi mar-regolamenti tal-Ministeru tas-Saħħa, għaliex jekk nillaxkaw ftit issa, imbagħad inbatu f’Jannar u fix-xhur ta’ wara.

Fl-aħħar, l-Isqof Galea Curmi qal li dan iż-żmien ta’ Avvent għandu jintuża biex nagħrfu quddiem Alla liema mogħdijiet mgħawġin hemm bżonn niddrittaw f’ħajjitna, għaliex imbagħad, meta jasal il-Milied, qalbna ma tridx tkun full up bħalma kienu l-lukandi li bdew iħabbtulhom Marija u Ġużeppi, sabiex qalbna tkun lesta tilqa’ lil Ġesù u lill-oħrajn.