Filmat: ‘Dak li hu diffiċli għalina hu faċli għalih’

Daniel hu tifel li għandu l-awtiżmu, u hu maħbub mill-istudenti tal-klassi tiegħu.
Newsbook.com.mt żar l-istudenti tat-tielet sena fl-iskola primarja ta’ Birkirkara, fejn spikka s-sentiment li dak li hu diffiċli għalihom, għal Daniel hu faċli.
Ma’ Daniel, jitgħallmu iktar kif inhu l-aħjar mod li jgħinuh.
Dwar jekk jafux x’inhu l-awtiżmu, it-tfal li għandhom madwar tmien snin, iwieġbu b’sempliċità, li tfal bħal Daniel, jaraw id-dinja b’lenti differenti minnhom.
Jispjegaw b’entużjażmu kif jgħinu lill-ħabib tagħhom, u appellaw lin-nies biex ikunu iktar paċenzjużi u juru l-imħabba ma’ persuni li għandhom xi tip ta’ kundizzjoni hekk kif “kulħadd speċjali bil-bżonnijiet tiegħu.”
Bħala klassi, huma tgħallmu dwar l-awtiżmu, u jafu li Daniel hu sensittiv, kif ukoll x’affarijiet iħobb u xi jdejqu.
Peress li Daniel iħobb ir-rutina, l-għalliema u l-LSA jkunu jridu jippreparawh bil-mod minn qabel għal xi tibdil.
Illum id-dinja qed tfakkar il-Jum Dinji tal-Awtiżmu billi tilbes libsa blu biex tqajjem kuxjenza.
L-awtiżmu hi kundizzjoni li ġeneralment tibda mit-tfulija u turi ruħha f'diffikultajiet ta' komunikazzjoni u fl-imġiba mal-oħrajn.
Filmat: Jonathan Mercieca