Filmat: Dak kollu li hemm bżonn tkun taf biex tapplika għall-COVID Wage Supplement

Il-Ministeru għall-Ekonomija u Malta Enterprise ippubblikaw filmat li jispjega pass pass il-proċedura li wieħed irid isegwi biex japplika għall-COVID Wage Suppliment. Din hija l-għajnuna finanzjarja kemm għad-dħul ta’ negozju, kif ukoll fejn jidħol ħlas tal-pagi tal-impjegati. Din tapplika għal dawk is-setturi li ħabbar il-Gvern fil-ġimgħat li għaddew.

Bħalissa, il-Full Wage Suppliment tara li min iħaddem jirċievi €800 għal kull impjegat full-time u €500 għal kull impjegat part-time. Intant, dawk in-negozji li ntlaqtu ftit inqas, jistgħu jirċievu sa massimu ta’ €160 għal kull ħaddiem kull xahar. Negozji li jinsabu f’Għawdex, jieħdu €320 għal kull ħaddiem kull xahar.

L-applikazzjoni timtela biss mis-sidien tan-negozji u s-self employed.

Kif tapplika?

  1. Idħol fis-sit covid19.maltaenterprise.com.
  2. Klikkja fuq l-inizjattiva: COVID Wage Supplement.
  3. Aqra n-noti u wara għafas fuq il-buttuna tal-formola tal-applikazzjoni.
  4. Daħħal in-numru tal-VAT tal-kumpanija u wara jiġi awtomatikament ġenerat in-NACE Code tal-kumpanija tiegħek.
  5. Jekk ma taqbilx ma’ dak awtomatikament iġġenerat, mela tista’ tissuġġerixxi inti dak li taħseb li għandek tirċievi skont Annex A jew Annex B.
  6. Iddeskrivi x-xogħol jew servizz li tagħmel fil-kaxxa tal-“Business Activity”.
  7. Wara għażel jekk in-negozju tiegħek ġiex sospiż kompletament jew jekk hux perċentwali minnu.
  8. Ikteb fid-dettal kif in-negozju tiegħek ġie affettwat mill-imxija tal-coronavirus.
  9. Daħħal id-data minn meta n-negozju tiegħek beda jiġi affettwat.
  10. Wara daħħal id-dettalji tan-negozju tiegħek u dawk bankarji.
  11. Se tintalab iddaħħal id-dettalji personali tiegħek u tal-impjegati tiegħek – partikolarment in-numru tal-karta tal-identità u d-data tat-twelid. Għal kull persuna, trid tindika jekk din taħdimx full-time jew part-time.
  12. Jekk għandek aktar minn ħaddiem wieħed, għafas fuq il-buttuna “Add Employee”, sakemm tara li tkun issottomettejt id-dettalji tal-impjegati kollha tiegħek.
  13. Jekk għandek aktar minn 10 ħaddiema, mela trid ittella’ file .csv bid-dettalji.
  14. Wara trid taqra u timmarka l-kundizzjonijiet kollha relatati mal-formola li qed tissottometti.
  15. Fil-formola trid tagħti wkoll id-dettalji tar-Rappreżentant Legali, jiġifieri, il-persuna responsabbli min-negozju.
  16. Wara li tara li d-dettalji daħħalthom kollha kif suppost, għafas il-buttuna “Submit”.
  17. Malli tissottometti l-formola, għandek tirċievi e-mail bħala konferma li Malta Enterprise irċeviet l-applikazzjoni tiegħek.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn