Filmat: “Daddy, ieqaf ’tini” – tifla ta’ 8 snin

“Daddy, ieqaf ’tini.” Dan hu l-ewwel ħsieb li ġie f’moħħ Maia, tifla ta’ tmien snin.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ tlett ibniet li qed jesperjenzaw vjolenza domestika, allegatament mill-missier u mis-sieħba l-ġdida tiegħu. Maia hija l-akbar fosthom.
Qaltilna wkoll li drat tara lil ommha taqla’ s-swat mingħand missierha. Semmitilna każ fejn il-missier tefa’ vażun* lejn l-omm fost tisbit u tkissir.
Okkażjoni oħra li semmiet waqt li ħarsitha nbidlet kienet meta hi qalgħet daqqa ta’ ktieb* fuq rasha sempliċiment għax waħda minn ħutha ma obdietx lil missierhom.
Il-vjolenza eskalat wara li ommhom Abigail* iddeċidiet li tissepara xi snin ilu. Issa l-abbuż, kemm fiżiku kif ukoll emozzjonali, irdoppja. L-ulied bdew, allegatament, jiġu msawta, mgħajra u ttrattati ħażin mis-sieħba l-ġdida tal-missier, apparti mill-missier innifsu.
Il-biża’ issa qed tiffoka aktar fuq is-sieħba tant li tnejn mit-tliet ulied lesti li jiltaqgħu mal-missier jekk is-sieħba ma tkunx hemm u hu jieqaf isawwathom.
Segwi Newsbook.com.mt fil-jiem li ġejjin biex tisma’ r-rakkont ta’ Abigail*, kif beda l-abbuż u minn xiex għaddejja din il-familja.
Newsbook.com.mt ħa wkoll ir-reazzjoni ta’ Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, minħabba li f’dan il-każ jidher li s-sistema mhux tħalli r-riżultati mixtieqa. Barra minn dan żviluppat żvolta f'dan il-każ wara azzjoni minn Grixti nnifsu.
*Ismijiet u ċerti dettalji huma mibdula għax kemm l-omm kif ukoll l-ulied huma mwerwrin mill-missier.