Filmat: Claudia Faniello b’vidjow maħdum minn studenti tal-MCAST

Fallin huwa l-isem tal-kanzunetta li għadha kif nediet ftit tal-ħin ilu l-kantanta Claudia Faniello. Il-kanzunetta għandha wkoll vidjow li huwa maħdum minn studenti tal-MCAST.

“Meta avviċinawni biex naħdmu flimkien, il-kanzunetta kienet miktuba diġà u għalhekk ħassejt li dawn l-istudenti kien se jkollhom opportunità tajba b’kollaborazzjoni bħal din,” ikkummentat Claudia ma’ newsbook.com.mt.

“Tajjeb li nenfasizza li dawn huma studenti u mhux nies professjonisti li ħadmu dan il-vidjow, iżda r-riżultati kif tistgħu taraw hu wieħed daqs tal-ikbar professjonisti f’dan il-qasam,” kompliet tgħid il-kantanta li fl-2017 irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Breathlessly. Fil-fatt kienet l-aħħar single tagħha qabel din li nediet proprju llum.

Fallin hija silta friska u titkellem dwar persuna li ma tixtieqx li tkun ristretta fl-għażliet tagħha u trid tesperjenza affarijiet ġodda.

Il-kanzunetta hi mitkuba minn Faniello stess, b’mużika minn Elton Zarb, Matteo Depares u minna stess. Il-produzzjoni hija ta’ WickedandLoud.