Filmat: ​Ciro se jibqa’ jgħix fejn hemm futbol nadif

”Ciro qed jgħix fija, qed jgħix fikom u se jibqa’ jgħix kull fejn hemm futbol nadif.
Dak li seħħ lil ibni u lill-familja tagħna m’għandu qatt jerġa’ jseħħ.
Qatt u ħadd m’għandu jivvendika lil ibni, għax hekk tkunu qed terġgħu toqtlu lil ibni Ciro.
Aħna n-Naplitani m’aħna anqas minn ħadd u rridu nkunu ta’ eżempju fl-Italja kollha, billi nuru li aħna nħobbu futbol nadif bħalma kien iħobb ibni Ciro.“
B’dawn il-kliem omm Ciro Esposito, li kien ġie maqtul qabel il-finali tal-Coppa Italia fit-3 ta’ Mejju li għadda, riedet twassal messaġġ ta’ non-vjolenza permezz tal-futbol li binha tant kien iħobb.
Minkejja li l-grawnd f’Napli ma tantx kien mimli, dawk preżenti kienu kollha qalb waħda mal-mibki Ciro Esposito, ommu u mal-President ta’ Napoli Aurelio De Laurentis, fil-bidu ta’ kampanja edukattiva kontra l-vjolenza fil-futbol.
Omm Ciro Esposito se tniedi proġett fl-iskejjel, sabiex sa minn ċkunithom it-tfal jitilgħu jħobbu l-futbol nadif ‘il bogħod minn kull forma ta’ vjolenza.
Dan il-proġett se jibda minn Napli u jkompli fl-iskejjel kollha fl-Italja taħt l-isem Fratellanza Italiana Calcio in nome di Ciro Esposito.
Minbarra d-diskorsi ta’ omm Ciro Esposito u l-President De Laurentiis, Stefanos Athanasiadis l-captain ta’ Paok u Marek Hamšík il-captain ta’ Napoli poġġew bukkett fjuri f’isem Ciro Esposito qabel il-logħba ta’ ħbiberija.
Fil-fatt din il-logħba ntemmet bl-iskor ta’ 2-0 favur in-Naplitani b’gowls ta’ José Callejón wara biss żewġ minuti u Josip Radošević fil-91 minuta.