Filmat: “Christine sabet familja f’Dar Nazareth”; inti se tgħin?

Aġġornat 07:21 AM

Christine bdiet tgħix f’Dar Nazareth wara li ommha ma setgħetx tkompli tieħu ħsiebha kontinwament minħabba l-problemi tas-saħħa li ġġib magħha l-età. Hemmhekk hi sabet familja u ntlaqgħet b’ħafna imħabba.

Propju llum, Fondazzjoni Nazareth se tkun qed tiġbor il-fondi, grazzi għal attività organizzata minn MLCP Foundation sabiex tkun tista’ tkompli tgħin lir-residenti tagħha bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Bħalissa il-Fondazzjoni għandha bżonn fondi sabiex jinbeda l-bini tar-raba’ dar tagħha.

Sad-9pm inġabru €45,000.

Fost id-donazzjonijiet, kien hemm dik ta’ €1,000 mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Il-maratona żaruha bosta nies prominenti, fosthom il-President George Vella u martu, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela.

Oħt Christine irrakkuntat kif grazzi għall-ħidma ta’ Dar Nazareth, Christine saret ħafna aktar indipendenti tant li issa anke sabet xogħol.  Sostniet li Dar Nazareth issa saret id-dar tagħha u hemm sabet imħabba kbira.

Dar Nazareth bdiet grazzi għall-ħidma ta’ Dun Anġ Seychell, saċerdot miż-Żejtun, li 25 sena ilu “għamel qabża fid-dlam”. Illum il-ġurnata ma jimmaġinax ħajjtu mingħajr ma jkun fid-dar li twieled, trabba u għex fiha u għadu jgħix fiha mżejna b’persuni b’diżabbiltà. Fondazzjoni Nazareth titmexxa fuq bażi volontarju minn 11–il direttur bil-Presidenza tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u ta’ Etienne Schembri bħala Kap Eżekuttiv.

25 sena ilu, meta għala 61 sena, Dun Seychell ideċieda li jibda’ jdur u jiltaqa’ ma’ familji li kellhom membri b’diżabbiltà, jistaqsi dwar il-ħajja tagħhom u jaqsam magħhom ħsibijiethom. Kull familja li tkellem magħha kienu pre-okkupati dwar il-futur tal-qraba tagħhom meta ma jkunux jifilħu jieħdu ħsiebhom aktar.

Nhar it-8 ta’ Settembru 1995 fil-preżenza ta’ folla kbira qaddes quddiesa quddiem daru u fetaħ il-bibien għall-ewwel ħames persuni b’diżabbiltà minn madwar Malta. Mal-bidu tal-Fondazzjoni, l-iskop ta’ ħajja alternattiva fil-kommunità ntlaqa’ tajjeb u l-familja malajr kibret minn ħames persuni għal għaxra.

Ir-residenti ta’ Dar Nazareth imorru għax-xogħol ta’ kuljum fil-Ħanut tax-xogħol Dar San Ġużepp Ħaddiem. Dan infetaħ lura f’Ġunju tal-2001 sabiex jgħin lil dawn il-persuni kemm mil-lat terapewtiku kif ukoll biex isaħħu l-ħiliet tagħhom.

Fl-2002, infetħet it-tieni dar bl-isem ta’ Dar l-Arċipriet Degabriele, wara li kienet inxtrat dar antika. Din reġgħet inbniet mill-ġdid għall-esiġenzi ta’ dawn il-persuni. F’din id-dar daħlu disa’ residenti oħrajn. It-tielet dart al-Fondazzjoni infetħet fil-11 ta’ Novembru 2009, bl-isem ta’ Dar Madre Tereża. Dan wara li kien inxtara garaxx li twaqqa u minfloku telgħet din id-dar. Fih ukoll daħlu 9 residenti.

Illum il-Fondazzjoni Nazareth għandha 32 impjegat full time li jaħdmu 24 siegħa kuljum għal sebgħat ijiem fil-ġimgħa biex ir-residenti jgħixu ħajja f’ambjent ta’ familja.