Filmat: Christina Magrin b’kollaborazzjoni internazzjonali

Christina Magrin nediet single ġdida bl-isem ta’ Dance Away Our Fears. It-titlu adattat ħafna għaż-żminijiet ta’ tensjoni li għaddejjin minnhom bħalissa.

Id-diska hija rizultat ta’ kollaborazzjoni ta’ professjonisti internazzjonali: Aidan OC, Sara Biglert, Christian Schneider u Cyprian Cassar.

Christina kienet irrapprezentat lil Malta fil Junior Eurovision Song Contest fl-2016 u kisbet bosta unuri anki barra minn xtutna. Din hija l-ħames single tal-kantanta żagħżugħa, li hija wkoll kompożitriċi hi stess.

Il-vidjow ta’ Dance Away Our Fears ġie ffilmjat fi Bled fi Slovenja bil-kollaborazzjoni ta’ Bled TV u l-Kunsill Turistiku u ġie editjat lokalment minn Matthias Brancaleone u Xandru Azzopardi.

Il-parir tagħha għal dawk kollha li jappoġġjawha u għal pubbliku generali huwa “Ejjew ningħaqdu lkoll flimkien u niżfnu bħala familja waħda! Se nerġgħu niġu fuq saqajna bla dewmien, iżjed b’saħħitna minn qatt qabel. Nispera li d-diska togħġobkom daqs kemm togħġob lili u ttikom is-sostenn li għandkom bżonn biex ittajjru l-biżgħat tagħkom permezz taż-żfin.”