Filmat: Chris Fearne jispjega s-sitwazzjoni preżenti tal-meninġite

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega s-sitwazzjoni preżenti tal-meninġite f’Malta wara li fl-aħħar xhur kien hemm żewġ każijiet ta’ tfal li mardu, b’tifel minnhom saħansitra jitlef ħajtu.

Ma’ Newsbook.com.mt il-Ministru Fearne spjega li wara l-aħħar każijiet irrappurtati fil-midja ma kienx hemm iktar persuni li ddaħħlu l-isptar kawża tal-meninġite. Fearne kompla jgħid li każijiet tal-meninġite jkun hemm kull sena, madwar id-dinja kollha. Semma kif il-meninġite tat-tip virali hija ħafna iktar komuni minn dik tal-batteri, madanakollu ma jeskludix li jkun hemm iżjed każijiet tal-marda fil-futur.

Skont it-tabiba Elizabeth Zammit Lupi, l-infezzjoni fil-meninġite, li hija saff li jgħatti l-moħħ u l-ispina, hija marda rari iżda li jista’ jkollha konsegwenzi koroh. Il-konsegwenzi jinkludu ħsara permanenti fil-moħħ li twassal għal diffikultajiet fis-smigħ, fil-mod kif wieħed jitgħallem, li wieħed ituh fits u anke f’każijiet estremi tikkawża l-mewt ta’ persuna.

“Il-Gvern qed jaħdem fuq it-tenders għat-tilqim”

Fearne kompla jgħid li bħalissa l-Gvern qed jaħdem fuq it-tenders biex jiba joffri t-tilqilm tal-meninġite b’xejn mis-sistema tal-Gvern. Dan kien tħabbar mill-Ministru nniffsu meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari lejn l-aħħar ta’ Jannar.

X’kienu l-aħħar każijiet tal-meninġite?

Tarbija tat-twelid kienet ittieħdet l-Isptar Mater Dei wara li skont il-Ministeru ġiet affettwata minn batterja tal-meninġite li jaffettwa biss trabi fl-ewwel tliet xhur ta’ ħajjithom. Illum it-trabija qalbet għall-aħjar tant li ħarġet mill-isptar.

Il-każ l-ieħor kien dak tat-tifel ta’ 4 snin li sfortunatament tilef ħajtu kawża tal-marda. Hu kien marad bil-marda tat-tip strep pneumonia.