Filmat: Chris Fearne jispera li ‘ma jkollniex għalfejn nużaw l-isptar prefabrikat’

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jispera li l-awtoritajiet ma jkollhomx għalfejn jużaw l-isptar prefabrikat.

Fearne qal dan dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet waqt li kien qed iwieġeb lil Newsbook.com.mt.

Newsbook staqsa jekk l-awtoritajiet għadhomx bil-ħsieb li jixtru sptar prefabrikat fid-dawl li l-miżuri b’rabta mal-coronavirus se jiġu rilassati. Newsbook.com.mt staqsa wkoll fejn wasal il-proċess tat-tender. Fearne qal li l-prinċipju tal-Gvern kien li jaħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx. Ma tkellimx dwar it-tender.

Fearne qal li Malta żiedet il-kapaċità tagħha biex tkun tista’ tieħu ħsieb pazjenti bil-COVID-19. Qal li Malta trid tkun lesta biex jekk ikun hemm l-hekk imsejħa t-tieni mewġa, is-servizzi tas-saħħa jkunu jistgħu jifilħu għan-numru ta’ pazjenti li jkun hemm.

“Nixtieq li t-tieni mewġa bħal ma rnexxielna nżommu l-ewwel mewġa nżommuha taħt kontroll ukoll,” qal Fearne. Żied jgħid li wieħed ma jistax jirrilaxxa mill-preparamenti.

“J’Alla l-preparazzjonijiet ma nużawhomx,” qal il-Ministru.

Fearne tkellem ukoll dwar l-influwenza. Qal li kull sena Malta taffaċċja l-epidemija tal-influwenza bejn Ottubru u Diċembru. Qal li jekk il-coronavirus jibqa’ fil-pajjiż, Malta tkun qed tiġġieled kontra żewġ epidemiji fl-istess ħin.

X’nafu dwar l-isptar prefabrikat?

X’se jkun fih l-isptar?

  • Kamra tal-emerġenza
  • 6 ITUs b’60 sodda
  • Kamra għall-X-Rays
  • Laboratorju
  • Kamra mortwarja
  • Kamra tal-ikel

L-aġġudikazzjoni għall-isptar il-ġdid prefabricated kienet twaqqfet wara l-allegazzjonijiet li saru mill-MP tal-PN Jason Azzopardi.

Eventwalment il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-allegazzjonijiet li kumpanija kienet taf minn qabel dwar it-tender għall-isptar prefabricated kienu infondati. Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex Chris Fearne qal li l-kumpanija li dwarha saru l-allegazzjonijiet ċaħdithom u li ma applikatx għat-tender.

“Għalkemm qed jingħad li saret inkjesta li ma sabet xejn irregolari fil-proposta għall-offerti dwar l-isptar prefabrikat li l-Gvern irid jibni, nista’ ngħid li lili ħadd ma avviċinani biex ngħid x’naf u għaliex qajjimt il-mistoqsijiet li qajjimt”.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi li kien hu li tefa’ dubji u qajjem suspetti dwar it-talba għall-offerti għall-isptar prefabrikat.

Il-Ministeru għas-Saħħa qed ifittex offerti għax-xiri u installazzjoni ta’ “modular extendable Sandwich Panel Negative-Pressure Field Hospital”. Il-Gvern irid li l-isptar ikun mgħammar bl-affarijiet kollha li hemm bżonn.