Filmat: “Chris Cardona mhux ‘il fuq mil-liġi” – Il-Ministru Fearne

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona mhuwiex ‘il fuq mil-liġi.

Huwa ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-pożizzjoni ta’ Cardona fil-Partit Laburista wara diversi appelli sabiex dan jirreżenja jew jitkeċċa mill-Prim Ministru Robert Abela, ladarba ismu ssemma kemm-il darba fil-qorti b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hu u jwieġeb il-mistoqsijiet wara konferenza tal-aħbarijiet fuq vaċċin ġdid, il-Ministru Fearne qal li għalkemm Cardona mhuwiex ‘il fuq mil-liġi, għandu wkoll id-dritt, bħal kull ċittadin ieħor, li jkun hemm proċess ġudizzjarju li jasal fi tmiemu qabel jittieħdu xi deċiżjonijiet.

Żied jgħid li ladarba jsir dan, m’għandux dubju li l-konsegwenzi neċessarji se jsiru, u l-passi meħtieġa se jittieħdu billi r-responsabbiltà tintrefa’ minn min għandu jerfagħha.

Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista, ilbieraħ xehed Johann Cremona, li kien involut fin-negozju ma’ Fenech. Huwa qal li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, kien dejjem jgħidlu l-istess storja u jsemmi l-ismijiet ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri, Chris Cardona u David Gatt.

Din, iżda, ma kinitx l-ewwel darba li isem l-Avukat Cardona ssemma fil-qorti fi proċeduri dwar dan il-każ.

L-eks Ministru għall-Ekonomija, li għadu jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, anke wara li rreżenja mill-Parlament ix-xahar li għadda, ċaħad darba wara oħra li hu kellu xi involviment fl-assassinju tal-ġurnalista, avolja fil-Qorti ssemma li n-numru tiegħu kien fuq burner phone li nstab fil-baħar qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa. F’din it-tinda kienu jiltaqgħu l-aħwa Degiorgio, li huma akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Apparti dan, Yorgen Fenech kien għadda ittra lill-Pulizija li fiha kien hemm miktub li Cardona ħallas għall-assassinju. Cardona mill-bidu sostna li dan kien frame-up, u għadu jtenni dan sal-lum.

F’intervista esklussiva mat-Times of Malta madwar għaxart ijiem ilu, Cardona qal li s’issa għad ma kienx hemm evidenza propja kontrih, imma allegazzjonijiet biss. 

Intant, bosta huma dawk li appellaw sabiex Cardona jitkeċċa. Il-Partit Nazzjonalista, l-Alternattiva Demokratika, l-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika, u anke s-Civil Society Network, ilkoll semmgħu leħinhom fuq din il-kwistjoni. Repubblika qalet li l-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qegħdin jipproteġuh.

F’Novembru tal-2019, Newsbook.com.mt kien żvela li Dr Chris Cardona kien qed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fost l-oħrajn dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia u dwar dak li żvelat l-istess ġurnalista, li kienet allegat li Cardona kien fil-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost kien waqt xogħol. Huwa kien issospenda lilu nnifsu minn Ministru għall-Ekonomija għal xi żmien.

Mal-bidla tal-Prim Ministru, Cardona tilef postu fil-Kabinett, u mbagħad, ix-xahar li għadda, irreżenja mill-Parlament iżda żamm postu bħala Deputat Mexxej.

Filmat: Miguela Xuereb