Filmat: Chris Cardona ma jweġibx hux komdu bir-relazzjoni bejn Malta u l-Ażerbajġan

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ma weġibx jekk hux komdu bir-relazzjoni ta’ bejn Malta u l-Ażerbajġan.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Kap għall-Affarijiet tal-Partit Laburista wieġeb biss li l-ekonomija fl-Ażerbajġan qed tikber u diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qed jagħmlu investimenti miegħu.
Ftit tal-ġimgħat ilu Transparency International ippubblikat rapport dwar influwenzi mill-Ażerbajġan b’allegati trasferimenti ta’ somom kbar ta’ flus u favuri lill-parlamentari Ewropej.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Cardona saħaq li kemm Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi ċaħdu li għandhom xi assoċjazzjoni ma’ xi negozji fl-Ażerbajġan, meta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia rrappurtat li għandha informazzjoni dwar trasferimenti ta’ somom kbar ta’ flus minn kont bankarju f’dan il-pajjiż.
B’referenza għal dak li qalet li se tiżvela Caruana Galizia dwar Egrant, il-Ministru Cardona wieġeb biss b’dak li diġà huwa magħruf, li ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi se jiftħu libell lil Daphne Caruana Galizia llum.
Cardona insista li ma jafx ta’ min hi Egrant u tefa’ l-ballun f’saqajn il-Kap tal-Oppożizzjoni. Żied jgħid li huwa konvinjenti biżżejjed li Simon Busuttil juża lil Caruana Galizia biex tivvinta stejjer qarrieqa, meta fl-istess ħin suppost jaf min hu l-benefiċċjarju ta’ Egrant.
Ma jgħidx jekk hux se jirriżenja jekk ma jseħħx il-proġett tal-White Rocks
Il-Ministru Cardona ma weġibx lanqas jekk jirriżenjax jekk il-proġett tal-White Rocks ma jirnexxix.
Dan wara li l-Malta Today żvelat li n-negozjati bejn il-Gvern u l-konsorzju waqaf minħabba nuqqas ta’ ftehim bejniethom dwar il-prezz.
Dr Cardona qal li n-negozjati mexjin u daqt se jkun iffirmat ftehim. Minkejja dan, Dr Cardona qal li l-Gvern jinsab kawt fl-innegozjar tal-prezz.
Żied jgħid li sa tmiem il-leġislatura jew jiġi ffirmat il-ftehim jew ma jkun hemm ebda ftehim.
“Il-PN huwa theddida għas-suċċess ili kiseb il-Gvern”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Cardona qal li Gvern Nazzjonalista jreġġa’ lura s-suċċess li kiseb Gvern Laburista.
Fi preżentazzjoni li ta, Dr Cardona nnota li Gvern Laburista żied in-nefqa fil-benefiċċji soċjali, fis-saħħa u fl-edukazzjoni.
Spjega li fil-benefiċċji soċjali kien hemm żieda ta’ €274 miljun meta tqabbel mal-2012 u l-2016. Qal li meta tqabbel l-istess perjodu, fil-qasam tas-saħħa kien hemm żieda fin-nefqa ta’ €171 miljun u €240 miljun fil-qasam edukattiv.
Żied jgħid li skont Dr Busuttil din iż-żieda fl-ispiża hija sabiex il-Gvern jirbaħ aktar voti. Saħaq li dan ifisser li Simon Busuttil se jkun qed ineħħi l-benefiċċji soċjali li daħħal il-Gvern, iċ-childcare b’xejn u żidiet fil-pensjonijiet.
"L-unika theddida għal Malta huwa Dr. Egrant"
F'reazzjoni l-PN qal li jekk hemm xi ħadd li hu ta' theddida għal Malta dan huwa Dr Egrant.
Saħaq li Simon Busuttil huwa garanzija għall-familji. 
Żied jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas it-taxxa għal kull min jagħmel attività kummerċjali għal 10% biss, jagħti l-mediċini b'xejn lill-anzjani u joffri l-mediċini b'xejn lill-anzjani.
Temm jgħid li Malta ma jixirqilhiex Gvern korott iżda tmexxija nadifa u tkun ta' servizz għan-nies.

Filmat: Ian Noel Pace