Filmat: “Charlie tal-bandiera kien bniedem ferrieħi u nannu perfett”

Bniedem tal-familja, tal-affari tiegħu, iħobb lill-kulħadd, ferrieħi u nannu perfett.
Dawn huma l-kelmiet li bihom il-Beltin sellmu lil Charlie Cremona, magħruf mal-Maltin bħala l-anzjan li kien isellem lill-barranin li jaslu Malta mill-Port il-Kbir billi jxejjer il-bandiera Maltija.
Charlie, miet ilbieraħ fl-età ta’ 72 sena u dalgħodu mijiet ta’ nies ħonqu l-Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, il-parroċċa tant għal qalb Charlie, biex isellmulu għall-aħħar darba.
Ma’ Newsbook.com.mt diversi persuni ddeskrivewh bħala Belti ta’ vera li kien iħobb dak kollu li hu Belti u ma setax jonqos li jsemmu l-imħabba kbira li kellu lejn San Pawl.
Infatti, dwar il-ġest ta’ Charlie kull meta kien ixejjer il-bandiera ta’ pajjiżu biex isellem lit-turisti, ħafna qabluh mal-merħba li l-Maltin kienu taw lil San Pawl meta ġie Malta.
Persuna partikolari spjegat li għandha ritratt ta’ Charlie jxejjer il-bandiera, għax meta marret Sqallija bil-katamaran kien wegħdha li jitla’ jsellmilha minn fuq il-bejt.
Waqt l-omelija, Fr Charles Tabone qal li l-aħbarijiet sellmu lil Charlie bħala l-anzjan tal-bandiera, imma żied li kien ħafna aktar minn hekk. Iddeskrivih bħala raġel li ta’ ħajtu għall-familja, “għax Charlie hekk kien jaf jagħmel.”
Semma li l-ġest tal-bandiera juri x’kellu f’qalbu, għax “kien bniedem pożittiv u kien iferraħ lil kulħadd.”
Fr Charles għalaq l-omelija billi irringrazjah f’isem il-Knisja għall-eżempju tajjeb li wera fit-trobbija tal-familja. 

Filmat: Reel8 Productions