Filmat: Chanel Monseigneur mill-Mosta għall-Junior Eurovision

Chanel Monseigneur ta’ 9 snin mill-Mosta se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fl-edizzjoni li jmiss tal-Junior Eurovision Song Contest li se jkun qed isir fid-29 ta’ Novembru.

Għal din l-edizzjoni tal-Malta Junior Eurovision Song Contest kien hemm 12-il finalist li kantaw quddiem żewġ membri tal-ġurija, Dominic Cini u Michela Pace. Il-kanzunetti dehru waqt programm speċjali li xxandar fuq TVM u l-pubbliku kellu ġimgħa ċans jivvota għall-kanzunetta favorita tiegħu.

Chanel ikklassifikat fl-ewwel post bil-kanzunetta Chasing Sunsets, filwaqt li fit-tieni post Anywhere ta’ Leah Mifsud u fit-tielet post The Child from Inside ta’ Mychael Bartolo Chircop.

Il-Junior Eurovision se jkun qed jittella’ f’Varsavja fil-Polonja iżda l-parteċipanti se jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetta minn studjos apposta f’pajjiżhom. Dan bħala miżura minħabba fil-Covid-19.

Minn età żgħira Chanel uriet interess u passjoni għall-kant. L-ewwel lezzjoni tal-kant u t-teorija tal-mużika tagħha kienet tlett snin ilu iżda hi dejjem uriet interess fit-tagħlim tal-pjanu, u għalhekk żiedet il-lezzjonijiet tal-pjanu s-sena l-oħra.

Bdiet tipparteċipa f’diversi kompetizzjonijiet lokali fejn dejjem kienet imfaħħra u mħeġġa biex tkompli ssostni t-talent tagħha. F’Diċembru li għadda ġiet ippremjata bħala l-‘Aħjar Kantanta tas-Sena’ f’kompetizzjoni lokali.

Fl-2018 hija pparteċipat fl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tagħha li qatt saret fil-Litwanja (Music Talent League) u kisbet l-ewwel post fil-grupp tal-età tagħha.

Fis-sajf li għadda kellha wkoll l-opportunità li tipparteċipa fit-Talent World Contest (l-Italja) u fir-Riga Symphony (il-Latvja) f’Diċembru li għadda, u poġġiet l-ewwel fiż-żewġ kompetizzjonijiet bi ftit marki biss ’il bogħod mir-rebħ tal-premju Gran Prix.

Il-kanzunetta Chasing Sunsets hija kitba ta’ Emil Calleja Bayliss b’kompożizzjoni ta’ Aleandro Spiteri Monseigneur, Peter Borg u Joe Roscoe.