Filmat: “Ċertu servizzi ma jagħtux kas li omm taħdem” – omm

Omm ta’ tifla bid-down syndrome spjegat kif minkejja li hawn ħafna servizzi ta’ għajnuna għal tfal b’diżabilitajiet varji, ċertu servizzi joperaw daqslikieku l-omm ma’ taħdimx.

Sandra Borg kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt fejn tat xi dettalji dwar xi servizzi li kienet ġiet mgħarrfa dwarhom meta saret taf li bintha twieldet bid-down syndrome. Borg qalet li servizzi hawn ħafna u ċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) huwa l-punt ta’ referenza għal kollox.

Aqra: Filmat: “Bidlitli ħajti li għandi tifla, mhux għax bid-down syndrome” – omm

Qalet li wieħed imur għand is-CDAU fejn isir l-assessjar tas-sitwazzjoni tiegħu imbagħad, jirreferu lill-persuni għas-servizzi li huma relevanti għaliha. Qalet li hemm ukoll l-Early Childhood Intervention li huwa pprovdut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn tiġi terapista d-dar, iċ-childcare jew inkella l-iskola darba fil-ġimgħa. Qalet li mbagħad hemm ukoll servizzi privati.

“Eventwalment issib bilanċ”

Borg spjegat li eventwalment wieħed isib bilanċ u ma jibqax imur għas-servizzi kollha, iżda għal dawk li jkunu jagħmlu sens għalih. Qalet li fil-każ ta’ bintha qed jagħmlu użu mis-servizzi li għandha bżonn u l-bqija jħalluha tgħix b’mod normali.

Aqra: Filmat: “Minn dejjem kienet tħobb il-kamera” – omm Francesca

L-omm kompliet tgħid kif ma taħsibx li hemm xi servizzi li huma neqsin. Qalet li forsi hemm restrizzjonijiet fejn jidħlu l-ħinijiet tas-servizzi attwali. Spjegat li jekk wieħed jixtieq jagħmel użu mis-servizzi tal-fiżjoterapija bilfors irid jagħmel dan permezz tas-CDAU u bilfors irid jinqeda filgħodu. Qalet jekk għandek omm li tkun taħdem ikollha tara min se jieħu lit-tfal għat-terapija inkella titlaq mix-xogħol. Sostniet li l-akbar diffikultà hija li l-mod kif jingħataw is-servizzi llum għadu bil-mentalità daqs li kieku l-omm ma taħdimx.

“Katrina ma titkellimx imma tikkomunika b’mod ċar”

Borg spjegat kif bintha Katrina, li għandha sentejn bħalissa għadha ma titkellimx, iżda ħafna drabi tinsa li bintha ma titkellimx għax tikkomunika b’mod ċar. Qalet li Katrina tagħmel kollox bħal tfal oħra, tinki lill-ġenituri tagħha, il-ħin kollu tilgħab u trid min jilgħab magħha. Qalet li hija tifla normali u soċjevoli ħafna, li tieħu gost b’kollox.

Aqra: Tfajla ta’ 20 sena bid-Down Syndrome ssir il-wiċċ il-ġdid ta’ ditta tal-kożmetiċi

Borg qalet li bintha s-sena d-dieħla tibda tmur l-iskola u minn hemm imbagħad jaraw għandhiex xi talent partikolari li għandu jiġi żviluppat. Semmiet li bħalissa tidher li tħobb ħafna l-għawm u diġà bdiet toħodha għal xi lezzjonijiet.

Filmat: Miguela Xuereb