Filmat: “Ċerti deċiżjonijiet weġġgħu n-nies, il-PN ma jinxtarax” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-PN ħa ċertu deċiżjonijiet li setgħu weġġgħu lil xi wħud madankollu dawn id-deċiżjonijiet urew li l-PN ma jinxtarax.
F’filmat maħruġ mill-PN, Dr Busuttil qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-PN kellu jieħu deċiżjonijiet diffiċli, liema deċiżjonijiet saħħew lill-Partit.
Huwa qal li “l-esperjenza li għaddejna minnha ġegħlitna nistaqsu xi tfisser il-politika għan-nies u x’jistennew in-nies minna”.  Saħaq li n-nies ma jridux paroli imma riżulati. Żied jgħid li “għejjew jisimgħu fuq kemm kibret l-ekonomija u li n-nies qed jistaqsu xi jfisser dan għalihom.
Dr Busuttil saħaq li n-nies iridu impjieg b’paga u kundizzjonijiet tajbin.
Il-Kap tal-PN wiegħed ukoll li jgħin lin-nies fil-bżonn fosthom dawk b’paga baxxa, dawk li ma jistgħux jaffordjaw jixtru mediċina u dawk li qed isibuha diffiċli jħallsu d-dar.
Huwa qal li l-PN għamel differenza mill-Oppożizzjoni fosthom fil-kwistjoni li trid tirreġġistra s-sit mal-Gvern u li ta vuċi lil dawk li kienu kontra l-għoti b’xejn ta’ art pubblika bħall-art fiż-Żonqor, jew tal-ITS li ngħatat għal €15-il miljun biss meta tiswa aktar minn €200 miljun.
Temm jgħid li s-sistema politika trid titbiddel mill-qiegħ u b’mod radikali. 
Filmat: Partit Nazzjonalista