Filmat: “Ċert li Delia qed jagħraf il-piż politiku tal-vot fl-Eżekuttiv” – Perici Calascione

Read in English.

Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li jinsab ċert li l-Kap tal-PN Adrian Delia qed jagħraf il-piż politiku li jġorr miegħu il-vot ta’ fiduċja li tilef fil-Kumitat Eżekuttiv. Huwa saħaq li “x’jiġri minn hawn ‘il quddiem jiddependi minn x’jagħmel Adrian Delia”.

Fil-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart, Alex Perici Calascione kien intervistat mill-preżentatur tal-programm Jes Saliba. Perici Calascione qal li kull persuna li bil-pożizzjoni tagħha tista’ tinfluwenza l-opinjoni ta’ ħaddieħor għandha responsabbiltà enormi. Huwa qal dan fid-dawl tal-argumenti li tqajjmu dwar is-sitwazzjoni tal-PN bħalissa.

Dwar l-istqarrija tal-Kap tal-PN Adrian Delia li l-vot ta’ fiduċja li tilef fl-Eżekuttiv m’għandux konsegwenzi, Perici Calascione qal li huwa “korrett statutorjament”. Huwa spjega li skont l-istatut, il-vot b’maġġoranza ċara ta’ sfiduċja kontra l-Kap Nazzjonalista fih innifsu ma jesiġix li jittieħdu proċeduri oħrajn. Huwa iżda stqarr li l-vot fih “piż politiku”. Qal li m’għandux dubju li Adrian Delia huwa konxju tal-implikazzjonijiet politiċi.

“Strateġija ta’ populiżmu estrem”

Qal li mill-2017 sa issa, il-PN inħakem minn strateġija ta’ populiżmu estrem li mhux biss il-partitarji jappoġjaw lil kandidat preferut iżda jekk ma jitlax il-kandidat preferut tagħhom iqattgħu il-vot. Huwa spjega li minħabba f’hekk, is-sitwazzjoni fil-partit mhix feliċi.

Huwa sellem lid-deputati kollha tal-PN u qal li minkejja li n-nuqqas ta’ qbil dwar it-tmexxija tal-PN ħareġ fid-deher insista li xorta hemm qbil bejn l-MPs fix-xogħol parlamentari billi jikkontribwixxu b’riċerka għat-tfassil tal-politika.

Qal li bħala President tal-Kumitat Eżekuttiv huwa jmexxi organi tal-PN li fi ħdanu għandu rapreżentanza minn kull fergħa.

It-tesserati jistgħu jivvutaw għal Kap ġdid

Fil-programm, Perici Calascione spjega li bl-istatut tal-PN l-għażla finali ta’ Kap titħalla f’idejn it-tesserati li huma l-membri tal-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN. Perici Calascione ġie mistoqsi dwar jekk l-istatut li għadu kemm ġie adottat hux se jixkel elezzjoni fost it-tesserati minħabba l-klawsola li tgħid li jridu jgħaddu sentejn minn elezzjoni għal oħra ta’ Kap tal-Partit.

Fisser li mill-25 ta’ Ġunju ta’ din is-sena jibdew japplikaw ir-regoli l-ġodda allura anke dwar din il-klawsola huwa qal li dak li sar qabel ma jaffettwax il-proċedura li jistgħu jittieħdu. Mistoqsi jiċċara dwar dan, Perici Calascione kkonferma li l-elezzjoni għal Kap fost it-tesserati tista’ ssir.

Huwa qal ukoll li f’każ li jinqala diżgwid dwar l-istatut, ikun il-President tal-Kunsill Ġenerali li jiddetermina deċiżjoni abbażi tal-istatut. Huwa temm b’appell li hawn bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha minħabba s-sitwazzjoni tal-Gvern tal-lum. Qal li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn ikun alternattiva serja għal Gvern