Filmat: Central Link: “Is-siġar jgħinuna psikoloġikament” – psikologa

Read in English.

Il-psikologa Dr Anna Cassar qalet li l-valur tas-siġar mhuwiex fiżiku biss, imma hu marbut mal-psikoloġija tal-bnedmin ukoll.

Dan qalitu lil Newsbook.com.mt waqt intervista minn ġo għalqa li għandha ssir parti mill-proġett Central Link, proġett li qanqal diversi reazzjonijiet ta’ rabja u diżappunt fost il-poplu Malti, minħabba l-għadd ta’ siġar li għandu jaffettwa, numru li xi wħud qed jgħidu li se jitla’ sa 539.

Aqra: Il-proġett tas-Central Link inkwetanti għas-saħħa tal-Maltin – psikologa

Cassar spjegat li n-natura hija metodu ta’ trattament importanti ħafna għall-pazjenti tagħha. Qalet li suġġerimenti bħal li wieħed imur mixja fil-kampanja jew li jaqra ktieb bilqiegħda fid-dell ta’ xi siġra jgħinu lill-ġisem u lill-moħħ jirrilassaw.

Aqra: Aġġornata: Filmat: Persuni jintrabtu mas-siġar bi protesta kontra s-Central Link

Żiedet tgħid li studji speċifiċi juru li s-siġar jirrappreżentaw qawwa u reżiljenza, u jgħinu biex iżidu l-livelli tal-ormon tal-istress kortisol li hi marbuta mal-kundizzjonijiet tal-qalb, mad-dijabete u anke mal-puplesiji.

Aqra: Central Link: Il-PN jitlob ir-riżenja ta’ Victor Axiak mill-ERA

Lil hinn minn hekk, it-tqaċċit tas-siġar jaffettwa wkoll il-kwalità tal-arja f’Malta. Il-psikologa qalet li hu inkwetanti li jitqaċċtu s-siġar li jieħdu l-arja ħażina minflok ma niħduha aħna l-bnedmin. Billi nqaċċtuhom, qalet Cassar, inkunu qed innaqqsu l-possibbiltà li nippurifikaw l-arja b’mod naturali.

Aqra: “Meta jitwieldu t-trabi, ma noqtlux lix-xjuħ” – ilmenti dwar it-tqaċċit tas-siġar għas-Central Link

Cassar, li trabbiet f’Ħ’Attard, qalet li tiftakar fażijiet differenti tal-iżvilupp fiż-żona. Irrakkuntat kif qabel, mit-triq prinċipali, wieħed seta’ jara l-għelieqi fil-madwar. Mit-twieqi kien jidher Ħal Luqa u anke postijiet oħra.

Aqra: Central Link: Il-proġett jiġi approvat

F’Lulju, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-pjanijiet għall-proġett Central Link, li se joħloq tibdil kbir fit-toroq Maltin. Il-proġett għandu jtejjeb ir-rotta mill-bypass tal-Imrieħel sa Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, anke saħansitra sat-Telgħa tas-Saqqajja.

Filmat: Miguela Xuereb