Filmat: “Ċemplu ħafna ġenituri inkwetati”

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ mad-Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni mill-Mard, Dr Charmaine Gauci. Jitkellem magħha wara li rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) poġġa l-laħam aħmar u l-laħam ipproċessat fil-kategorija ta’ prodotti li jikkaġunaw il-kanċer, mill-aspett ta’ evidenza. Qalet li l-WHO ma daħlitx fl-aspett ta’ minn fejn ġej il-laħam, u allura dwar l-annimal, l-importanza li dan jirgħa jew li jkun mitmugħ tajjeb.
Filwaqt li kkonfermat li għall-aħbar kien hemm reazzjoni pjuttost qawwija speċjalment minn ġenituri li ċemplu lid-Direttorat inkwetati dwar x’se jagħtu lil uliedhom fil-lunchbox tal-iskola, Dr Gauci tħeġġeġ dwar dieta bilanċjata, idealment dieta Mediterranja.
Quddiem il-kumment tal-Prim Ministru li fil-media soċjali qal li bħala missier, konsumatur u leġiżlatur jinsab imħasseb u jistieden diskussjoni dwar is-suġġett, Dr Charmaine Gauci qalet li d-Direttorat se jibqa’ jeduka u jippromwovi kif wieħed jista’ jiekol san, anki skont il-baġit li jkollu.
Dwar il-fatt li din tal-laħam aħmar u dak ipproċessat intefgħet fl-istess keffa tas-sigaretti u anki l-kafe, li ntqal li qed isir studju dwaru, Dr Charmaine Gauci qalet li t-tlieta m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin.