Filmat: Ċelebrazzjoni tal-Fundatriċi St. Emilja De Vialar b’differenza

Fis-17 ta’ Ġunju, l-iskola ta’ Mater Boni Consilii St. Joseph ta’ Raħal Ġdid iċċelebrat il- festa tal- fundatriċi tagħha St. Emilie de Vialar b’xejra daqsxejn differenti minn tas-soltu.

Minkejja l-limitazzjonijiet ta’ bħalissa, bl-iskejjel magħluqa u bl-istudenti mhux jattendu l-iskola minħabba l-miżuri relatati mal-imxija tal–Covid 19, il-kap tal-iskola Dr Kenneth Vella assistit mit-tim tal-edukaturi, staff u Sr Bernadette Gafa’ xorta sabu mod kif itellgħu programm sħiħ t’attivitijiet virtwali. Dan permezz tal–paġna tal–iskola fuq il-midja soċjali u b’attivitajiet kemm għall-istudenti u anki għall-familji tagħhom.

Il-programm beda b’riflessjoni dwar il-ħajja ta’ St. Emilie de Vialar  minn Fr. Mario Attard OFM CAP, segwit minn dokumentarju dwar il-ħajja tal–fundatriċi.  Il-qofol tal-programm intlaħaq biċ-ċelebrazzjoni diretta tal-quddies fl-okkażjoni ta’ din il-festa mill-knisja ta’ Krisu Re f’Raħal Ġdid bil-parteċipazzjoni tas-sorijiet tal- kommunita’ ta’ San Ġużepp mir- Rabat, Blata l-Bajda, Zabbar u tas-Sliema.

Żewġ studenti, Mariah Vella u Katrina Gatt irrapreżentaw lil sħabhom billi qraw waqt il-quddiesa flimkien ma’ Sr Riches Grech u Sr Eugene Ghirlando.  Din il- quddiesa kienet iċċelebrata mill–Kan. Marc Andre Camilleri kapillan u ġiet ukoll live streamed fuq il-midja soċjali biex b’hekk l-istudenti u l-familji setgħu isegwu l-quddiesa b’mod dirett. Fi tmiem il-quddiesa, Dr Vella, fil-preżenza ta’ Sr Eugene u Sr Riches ippreżenta lill-Kanonku Fr Marc Andre’ Camilleri kopji tal-pubblikazzjoni Nitlob Miegħek li ħarġet l-iskola dan l-aħħar b’kollaborazzjoni mal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona biex ikunu jistgħu jintużaw mill-abbatini tal-parroċċa.

Wara l-quddies imbagħad fuq il-paġna tal-iskola ittellgħa x-xogħol kollu li twettaq mill-istudenti u l-għalliema tagħhom f’dawn l-aħħar ġranet, kif ukoll dokumentarju qasir imħejji mill-għalliem tar-Reliġjon, Gavin Muscat. Dan kien segwit  bl-innu lil St. Emilie imħejji u kkordinat mis-Sa Mary Grace Grech għalliema tal-mużika bil-parteċipazzjoni tal–kor tal-iskola.

https://www.facebook.com/watch/?v=303203870847959

Fl-aħħar u mhux l-inqas l-istudenti tal-klassijiet tas-sekondarja pparteċipaw fi kwiżż imħejji għalihom mill- għalliem tagħhom dwar il- ħajja tal-fundatriċi. Ir-rebbieħa ta’ dan il-kwiżż kienu Redoney Schembri u Kaylee Cassar.