Filmat: Casa magħżul kelliem kontra l-ħasil tal-flus

Read in English.

L-Ewroparlamentari Malti f’isem il-Partit Nazzjonalista ġie maħtur bħala l-kelliem tal-Partit Popolari Ewropew fuq leġislazzjoni kontra l-ħasil tal-flus.

Ir-rwol il-ġdid ta’ Casa jinvolvi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ħames direttiva kontra l-ħasil tal-flus u li jmexxi d-dibattitu f’isem il-Grupp PPE dwar kwalunkwe reviżjoni tal-liġijiet ta’ bħalissa.

Ma’ Newsbook.com.mt, Casa qal li l-Kumitat ECON qed jipprova jidentifika modi aħjar biex l-Unjoni Ewropea tiġġieled il-ħasil tal-flus. 

Filmat: Qed insibu modi aħjar biex l-UE tiġġieled il-ħasil tal-flus – Casa

Għal din l-aħbar, Casa, li jifforma parti mill-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew bħala Kwestur, qal li ma nistgħux nistennew li negozji onesti jimxu skont regoli stretti ta’ kontra l-ħasil tal-flus filwaqt li l-kbarat u l-korrotti jimxu bħal romblu fuq iċ-ċittadini.

Din il-ħatra ta’ David Casa seħħet ftit wara diskors li għamel waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, li matulha rrefera għall-qtil tal-ġurnalista investigattiva Maltija Daphne Caruana Galizia, li t-tieni anniversarju mill-qtil brutali tagħha se jkun imfakkar ix-xahar id-dieħel.

Fi Strasburgu, Casa qal li kieku l-istituzzjonijiet kienu aktar effettivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, kieku Daphne Caruana Galizia, illum setgħet kienet magħna.