Filmat: Casa jmur ħdejn Efimova l-ħabs, jgħidilha li l-PE warajha

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=6tRvb9LjxqE]

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa, qal li kemm hu kif ukoll il-Parlament Ewropew jinsabu lesti biex jagħtu sostenn lill-whistleblower Russa, Maria Efimova.
Dawn il-kummenti Casa għaddiehom f’filmat miġbud minn quddiem il-ħabs fejn qed tinżamm il-whistleblower fil-każ tal-kumpanija Egrant u eksimpjegata tal-Bank Pilatus.
“Meta tkun persuna waħdek u tiddeċiedi li tikxef l-illegalitajiet dan ifisser li tkun kuraġġuż, u fil-każ ta’ Efimova dan wassalha biex taħrab minn Malta minħabba l-biża’ li jiġrilha xi ħaġa”, qal Casa.
Sostna li Efimova tinsab maqfula minħabba dak li allegat dwar il-Bank Pilatus, u l-arrest riċenti taċ-Ċermen tal-Bank jikkonferma li dan il-bank ma kien xejn ħlief organizzazzjoni kriminali.
“Mhux Maria Efimova missha tkun il-ħabs”, irrimarka Casa, filwaqt li rrefera għall-protesti li qed isiru Malta min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, li qed iħallu effett.
Casa qal li se jiltaqa’ ma’ xi uffiċjali Griegi, rappreżentanti legali u membri tal-midja aktar tard illum.
Il-ġimgħa l-oħra Efimova marret minn jeddha għand il-Pulizija Griega.