Filmat: Caritas tniedi l-inizjattiva għal jum il-Milied; Format differenti minħabba l-COVID-19

Aġġornat 09:09 PM

Jekk se tkun waħdek nhar il-Milied….ċemplilna fuq 21331000

Posted by Caritas Malta on Friday, December 11, 2020

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li jinsab kuntent li l-għajnuna tal-Knisja qed tasal f’diversi oqsma. Hu qal dan hekk kif il-Ġimgħa tnediet l-inizjattiva ta’ Caritas Malta, li ta’ kull sena torganizza bl-appoġġ tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għal Jum il-Milied. L-inizjattiva hi indirizzata għal dawk il-persuni li f’jum il-Milied ikunu waħedhom u jħossu l-element ta’ solitudni jew min ma jkollux il-flus biex jipprepara ikla għall-Milied.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, rringrazzja lill-Arċisqof Charles Scicluna li dejjem ospita din l-ikla fil-kuriduri tal-Kurja. Iżda din is-sena l-ikla se jkollha format differenti minaħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Minn naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna qal li wara ħames snin li ilha ssir din l-attività, din is-sena se jħossuhom orfni hekk kif mhux se jkunu qed jiltaqgħu ma’ dawk in-nies li jilqgħu l-għajnuna tal-Caritas f’Jum il-Milied.

F’Jum il-Milied il-Caritas se tħejji linji tat-telephone biex min iħossu waħdu ikun jista’ jċempel u jitkellem ma’ xi ħadd li jista’ joffri wens.

Apparti minn hekk bl-għajnuna tas-social workers digà ġew identifikati persuni, bl-għajnuna anke ta’ diversi parroċċi, inkluż anzjani li se jibbenefikaw minn ikla f’Jum il-Milied għaliex m’għandhomx il-mezzi biex jagħmlu dan. Saħansitra min ma jistax joħroġ mid-dar tiegħu se jkun qed jirċievi l-ikla wara l-bieb tad-dar tiegħu. Julian Sammut f’isem Alf Mizzi Foundation spejega kif din l-ikla se tkun qed titħejja bil-koperazzjoni tal-kumpanija Alf Mizzi & Sons li ta’ kull sena kkollaborat f’din l-inizjattiva.

Spjega aktar dwar dan ma’ Newsbook.com.mt, Albert Debono, l-Kap tad-Djakonia Unit fi ħdan Caritas Malta.

L-Arċisqof appella biex f’dawn iż-żminijiet b’mod partikolari nimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa iżda qal li ma jfissirx li billi ma nistgħux inkunu ma xulxin allura ma nagħmlux dik it-telefonata lil min jinsab waħdu biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin.

Dawk li f’nhar il-Milied se jkunu weħidhom huma mħeġġa jinfurmaw minn issa lil Caritas Malta jew iċemplu nhar il-Milied fuq 21331000 biex jitkellmu ma’ persuni li qed jistennew it-telefonata tagħhom.