Filmat: Caritas qed tħejji ċentru fil-komunità ġdid biex issaħħaħ is-servizzi tagħha

Read in English.

Bl-għajnuna ta’ €2 miljuni f’fondi Ewropej, il-Caritas Malta qiegħda fil-proċess li titrasforma binja eżistenti fi Blata l-Bajda f’ċentru tal-komunità, bil-għan li tgħin l-integrazzjoni ta’ persuni vulnerabbli u biex issaħħaħ is-servizzi mhux residenzjali tagħha.

Il-proġett, li għadu fi stadju ta’ implimentazjoni, ġie ppreżentat mid-direttur tal-Caritas Anthony Gatt u l-eks President George Abela, li ġie maħtur biex imexxi l-proġett.

“Dan iċ-ċentru fil-komunità ta’ Caritas Malta sar biex nirrispondu dejjem iktar u aħjar għall-esiġenzi tal-bżonnijiet soċjali ta’ pajjiżna llum,” spjega Gatt.

“Dan iċ-ċentru se jiġbor is-servizzi kollha ta’ outpatient ta’ Caritas taħt saqaf wieħed; b’mod li l-ewwel 2 livelli se jkunu dedikati għal familji fil-bżonn u għal individwi bi problemi soċjali varji li jircievu għajnuna individwali jew fi gruppi. Il-binja se jkun hemm ibbażat it-tim li jaħdem fuq il-prevenzjoni kif ukoll l-amministrazzjoni u hub għall-voluntiera; iċ-ċentru se jkollu amenities bħal sala, penthouse u spazji oħra li jkunu jistgħu jintużaw ukoll mill-komunità.”

Madwar 600 persuna vulnerabbli huma mistennija jkollhom aċċess għal servizzi f’dan iċ-ċentru, kemm dawk li diġà qed jiġu offruti kif ukoll servizzi ġodda li se jingħataw.

Il-fondi Ewropej, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, inkisbu bl-għajnuna ta’ MEUSAC. Il-binja nnifisha hi proprjetà tal-knisja, li ngħatat b’ċens lill-Caritas. Il-kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, enfasizzat li MEUSAC lesta toffri informazzjoni u assistenza lill-entitajiet volontarji li jixtiequ japplikaw għal fondi Ewropej.