Filmat: Cardona m’għandu xejn xi jżid dwar Acapulco

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li m’għandu xejn aktar xi jżid dwar il-każ ta’ Acapulco.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, l-MEP Soċjalista Ana Gomes qalet li l-Ministru Cardona irid jgħatti xturu. Spjegat li l-Ministru Cardona waqqa’ l-kawżi ta’ libell li kien fetaħ hu stess kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia għax għandu x’jaħbi.

Mistoqsi dwar dan, Cardona qal ma’ Newsbook.com.mt li kien ħareġ stqarrija “ċara ħafna” dwar il-każ u li ma jħossx li għandu aktar x’iżid. Fil-fehma tiegħu, dak li qal qabel jikkontradixxi dak li allegat Ana Gomes.

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona tilef iċ-ċans li jerġa’ jiftaħ il-każ ta’ libell kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, wara li fil-blogg tagħha allegat li kien żar il-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja. F’Lulju tal-2017, l-operaturi tal-mowbajls lokali ġew ordnati mill-Qorti biex jikkonservaw informazzjoni mill-mowbajl ta’ Cardona li turi minn fejn saru telefonati dakinhar tal-każ.

Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista, qal li Cardona ħalla ż-żmien tal-iskadenza jgħaddi u se jkollu jħallas l-ispejjeż legali tad-difiża. Fi kliem Caruana Galizia din il-mossa turi li Cardona huwa ħati.

Fit-30 ta’ Jannar tal-2017 Daphne Caruana Galizia kitbet li Cardona kien qiegħed f’burdell f’Velbert fil-Ġermanja. Cardona dejjem ċaħad l-allegazzjoni.