Filmat: Ċans li ma jintlaħaqx ftehim dwar Brexit

In-negozjatur ewlieni min-naħa tal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit, Michel Barnier, qal li jeħtieġ li nkunu lesti għal kwalunkwe riżultat, inkluż li ma jintlaħaqx ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE.

Skont Barnier, il-pjan ta’ Theresa May għall-kummerċ bejn l-UE u r-Renju Unit jista’ jdgħajjef is-suq Ewropew, u joħloq problemi għan-negozju.

Barnier hu kkonċernat jekk din l-hekk imsejħa White Paper ta’ May hijiex vijabbli.

Il-White Paper, ippubblikata l-ġimgħa l-oħra, tiżgura l-koperazzjoni fil-kummerċ, mingħajr fruntiera għall-Irlanda ta’ Fuq u bi ftehim ta’ kummerċ dinji għar-Renju Unit.

Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li l-Unjoni Ewropea trid tbiddel il-pożizzjoni tagħha fuq Brexit u mhux taqa’ fuq proposti li ma jaħdmux fir-rigward tal-fruntiera tal-Irlanda.

May qiegħda fuq żjara uffiċjali fl-Irlanda ta’ Fuq, u dan qalitu waqt konferenza f’Belfast.

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qablu li m’għandux ikun hemm fruntiera stretta fl-Irlanda, imma għadhom ma sabux mod kif iwettqu dan.