Filmat: Can Yaman illejla ma’ Barbara D’Urso

Ilbieraħ fl-ajruport ta’ Milan fl-Italja nġabru għadd kbir ta’ ammiraturi ta’ Can Yaman, il-protagonist tas-soap opera Torka Bitter Sweet. Hu jinsab fl-Italja peress li llejla se jkun il-mistieden ta’ Barbara D’Urso waqt il-programm Live! Non e’ la D’Urso li jixxandar fuq Canale 5 mid-9.20pm.

Din hija t-tieni żjara ta’ Yaman fl-Italja għal din is-sena. Ftit ġimgħat ilu kien il-mistieden ta’ Maria De Filippi għal C’è Posta Te iżda llejla ma’ D’Urso se jkollu intervista pjuttost twila.

L-attur twieled nhar it-8 ta’ Novembru 1989. Oriġinarjament kien beda jistudja biex jimxi fuq il-passi ta’ missieru u jsir avukat iżda wara ddeċieda li jsir attur. Mill-ewwel beda jikseb suċċess f’dan il-qasam u s-sajf li ġej qed tissemma’ possibilità li Canale 5 juri soap opera Torka oħra li se jkollha lilu bħala protagonist.

Yaman jitkellem 4 lingwi. Minbarra t-Tork hu jitkellem l-Ingliż, il-Ġermaniż u t-Taljan.

Apparti fit-Turkija u fl-Italja huwa qiegħed igawdi ħafna suċċess bħalissa fil-Greċja wkoll.

Għall-programm tal-lejla Barbara D’Urso se tkun qed tagħti opportunità lil 100 fan ta’ Yaman biex ikunu wkoll fl-istudjo. Stednithom biex jibgħatu messaġġ fuq numru apposta u se jkunu qed jagħżlu minn fosthom biex illejla jkunu jistgħu jiltaqgħu b’mod personali mal-attur favorit tagħhom.